L-assassinju: meta jkollok il-ħbieb fis-suq

Ix-xhieda fil-Qorti ta’ Melvyn Theuma iktar kmieni din il-ġimgħa fil-proċeduri kriminali ta’ Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat bħala l-moħħ wara l-assassinazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia, hi tat-tkexkix. Huwa faċli li tinjora din ix-xhieda u twarrabha bħala bla ebda utilità minħabba li hu stess kien involut fil-preparazzjoni neċessarja biex il-qtil taħt investigazzjoni jseħħ. Xi drabi, sfortunatament, l-istat ikollu jaqa’ għal din it-tip ta’ kollaborazzjoni biex jipprova jsolvi delitti ppjanati sewwa. Hu l-unika mod kif kultant id-dinja kriminali tista’ tiġi megħluba.

Isem Chris Cardona, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, reġa tfaċċa f’dawn il-proċeduri kriminali. Diġa kien issemma’ waqt li Yorgen Fenech kien qed ikun interrogat u irċieva ittri fiċ-ċella fid-Depot tal-Pulizija li kienu jissuġġerulu biex jitfa l-ħtija fuq Cardona.

Fid-dinja demokratika mhiex xi ħaġa ta’ kuljum li isem politiku anzjan jissemma’ f’investigazzjoni dwar qtil. Mhux magħruf kemm il-Pulizija investigaw it-truf li kellhom dwar Cardona. Kien ikun raġjonevolI li nagħtu lill-Pulizija l-benefiċċju tad-dubju kieku ma kienx għal punt wieħed importanti: il-ħbiberija mill-viċin bejn l-akkużat Yorgen Fenech ma’ dak li kien id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta li, fl-iktar mumenti kruċjali kien qed imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-ħbiberija bejn l-akkużat Yorgen Fenech u Silvio Valletta kienet b’saħħitha tant li quddiem it-tfal kien jirreferi għalih bħala iz-ziju Silvio. Li jivvjaġġaw flimkien biex jaraw logħob taċ-Champions League fi Stamford Bridge, Kiev u bnadi oħra, inkella ikla fir-razzett ta’ Fenech kienu affarijiet normali.

Ix-xhieda ta’ Melvyn Theuma ma tantx poġġiet l-investiġazzjoni f’dawl tajjeb. Il-kamra li l-pulizija jużaw għall-interrogazzjoni qiesha passatur bl-informazzjoni toħroġ permezz ta’ Silvio Valletta inkella permezz tal-uffiċċju tal-Prim Ministru: Joseph Muscat, dakinnhar Prim Ministru jkun aġġornat u b’Keith Schembri ħdejh attent jixrob l-informazzjoni. Ix-xhieda ta’ Theuma indikat li dan wassal biex ċirku limitat barra mill-korp tal-pulizija jkun konxju ta’ numru ta’ dettalji importanti dwar l-investigazzjoni, bħad-data tar-raid fit-tinda tal-patata fejn dawk ikkuntrattati biex iwettqu l-assassinju kienu eventwalment arrestati.

Hemm tlett talbiet oħra għall-proklama. Tħajru minn Melvyn Theuma. It-tlieta ddikjaraw li jistgħu jagħtu biżżejjed informazzjoni li biha jkunu identifikati dawk realment wara l-assassinju. Imma jekk dan iseħħx ħadd ma jista’ jgħid għalissa. Ħaġa waħda biss hi ċara s’issa: li Yorgen Fenech qiegħed jidher għal ħaddieħor. Min hemm warajh? Hemm numru ta’ ismijiet ta’ persuni assoċjati mal-uffiċċju tal-Prim Ministru li ssemmew fi stadji differenti tal-proċeduri kriminali li għaddejjin bħalissa.

Iktar ma qiegħed jgħaddi żmien, iktar qed titħabbel il-kobba!

Il-fatt li Robert Abela, Prim Ministru attwali, kien il-konsulent tal-predeċessur tiegħu ma tantx jagħmilha faċli biex tifhem eżattament x’inhu għaddej. Chris Cardona tneħħa mill-Kabinett imma ma jidhirx li l-Partit Laburista hu b’xi mod ippreokkupat li għandu lid-deputat mexxej kontinwament fl-aħbarijiet għal raġunijiet żbaljati. Iktar ma nisimgħu dwar dan l-assassinju iktar jikkumplikaw ruħhom l-affarijiet. Ma naħsibx li jiċċaraw wisq meta jixhdu iktar persuni fosthom Keith Schembri u Joseph Muscat.

L-impunità li gawdew uħud sal-lum hi dipendenti fuq il-ħbieb proverbjali fis-suq. It-tibdil fit-tmexxija fil-bidu tas-sena setgħet bidlet kollox. Imma jidher li kullma inbidlu huma l-uċuħ: il-bqija kollox baqa’ għaddej. Iż-żmien biss jista’ jwassalna lejn soluzzjoni.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s