Edward Scicluna u l-bajtar tax-xewk

Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ippreżentat lill-Parlament Ewropew pjan ta’ €750 biljun biex inqumu fuq saqajna. Pjan li jista’ jiġġenera investiment stmat €3.1 triljun fl-ekonomija Ewropea. Permezz ta’ għotjiet flimkien ma’ self, il-Kummissjoni Ewropea qed tfittex li tegħleb l-impatti ekonomiċi negattivi tal-Covid-19 kif ukoll li tagħti bidu għall-azzjoni meħtieġa biex ikun implimentat il-Ftehim l-Aħdar (the Green Deal).

It-triq biex nirkupraw mhiex faċli. Mhux il-każ li mmorru lura għal kif konna. Dak spiċċa. Irridu nimxu l-quddiem lejn normal ġdid. Li nintegraw flimkien il-ħidma biex nirkupraw mill-impatti tal-pandemija flimkien mal-azzjoni meħtieġa dwar it-tibdil fil-klima mhux ser tkun faċli imma hi essenzjali u mhux possibli li tkun posposta. Kif ġie emfasizzat fuq Euroactive nhar l-Erbgħa, it-triq biex nirkupraw tiddependi minn ħafna kundizzjonijiet konnessi mal-ambjent. 25 fil-mija tal-finanzjament propost mill-Kummissjoni Ewropeja hu fil-fatt marbut ma’ ħidma klimatika.

Edward Scicluna, il-Ministru tal-Finanzi, fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-pjan tal-Kummissjoni ikkummenta mħasseb dwar miżuri prattiċi konnessi mal-klima. Bħala gżira ser inweġġgħu ħafna qal, jekk jindirizzaw l-emissjonijiet tal-ajruplani u l-vapuri. Il-pjan, qal Edward Scicluna, jixbah lill-bajtar tax-xewk. Scicluna jippreferi li ma jsir xejn ħlief paroli. L-anqas m’hu jieħu pjaċir b’dak li qed jingħad dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji, avolja konxju li m’għadx baqa’ żmien biex fl-Unjoni Ewropea tħajjar kumpaniji jibqgħu jħarbu l-obbligi tagħhom tal-ħlas tat-taxxi.

Hu korrett li jingħad li ser nintlaqtu bil-miżuri dwar il-klima. Hekk għandu jkun, għax il-ħidma tagħna għandha impatt fuq il-klima. Nistgħu imma ninnegozjaw biex dawn l-impatti fuqna jonqsu mingħajr ma nnaqqsu l-impenn (reali) tagħna biex ikunu indirizzati l-impatti klimatiċi tal-industrija tal-avjazzjoni u tal-vapuri. Bla ebda dubju dan ser ikun ifisser impatti sostanzjali kemm fuq it-turiżmu kif ukoll fuq il-kummerċ.

Dan ma jistax ikun evitat għax dawn l-industriji għandhom l-obbligu li huma ukoll jġorru fuq spallejhom l-impatti li qed jikkawżaw. Dak hu li wegħdna bħala pajjiż fis-Summit ta’ Pariġi dwar il-klima. Wasal il-waqt li nwettqu dak li ġie imwiegħed. Biex niġu fuq saqajna irridu nfasslu l-futur mill-ġdid. Il-ħsara li teħtieg li tissewwa mhiex biss dik ekonomika u ambjentali. Jinħtieġ li tul l-Unjoni Ewropea kollha nibnu s-solidarjetà fuq pedamenti sodi. Dak li Edward Scicluna jqis bħala l-bajtar tax-xewk huma fil-fatt l-għodda bażiċi tas-solidarjetà.

Għax is-solidarjetà hi meħtieġa mhux biss meta aħna bir-raġun kollu nokorbu ma’ kull mewġa ta’ immigranti fl-ibħra Maltin. Is-solidarjetà hi dak li Malta tinjora meta tfittex li tkun attraenti għal min irid jevadi t-taxxi f’pajjiżu: dawk li jħallsu ftit lill-kaxxa ta’ Malta biex jevitaw milli jħallsu l-biljuni band’oħra. Il-politika dwar l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea hi r-risposta bis-sens għall-politika li tinkoraġixxi l-evażjoni tat-taxxa f’Malta, l-Olanda, il-Lussimburgu u l-Irlanda.

L-Oxfam f’rapport ippubblikat fl-2019 u ntitolat “Off the Hook. How the EU is about to whitewash the world’s worst tax havens” temfasizza li “l-Irlanda, il-Lussimburgu, Malta u l-Olanda huma fost il-pajjiżi li l-iktar jinkoraġixxu l-evażjoni tat-taxxa fid-dinja, b’mod li jagħmluha possibli li kumpaniji kbar jirnexxielhom iħallsu ammont żgħir ta’ taxxa. Per eżempju, ir-regoli internazzjonali tat-taxxa jippermettu lill-Vodafone Group Plc biex jallokkaw kważi 40 fil-mija tal-profitti taxxabbli tagħhom f’Malta u l-Lussimburgu.”

Rajna ukoll rapporti dwar il-BASF, ġgant fl-industrija kimika fil-Ġermanja, li jispjegaw kif din tevadi t-taxxa. Fir-rapport tal-Ħodor Ewropej ippubblikat fl-2016, intitolat “Toxic Tax Deals. When BASF’s Tax Structure is more about style than substance” kien spjegat kif il-BASF irnexxiela tevadi madwar biljun euro f’taxxa, u minflok ħallset ammonti żgħar bil-kompliċità ta’ Gvernijiet Maltin: ħomor u blu.

Jeħtieġ li l-ewwel u qabel kollox nirkupraw l-imġieba etika tagħna, anke qabel ma nirkupraw ekonomikament u ambjentalment. Ir-riġenerazzjoni tal-valuri tagħna għandha tkun prijorità qabel ma nippruvaw insewwu l-kaxxa ta’ Malta li minnha, bħalissa ħerġin il-flus maħmuġin akkumulati mill-bejgħ tal-passaporti. Flejjes miġburin minn persuni bħall-biljunarju Russu Boris Mints, l-Eġizzjan Mustafa Abdel Wadood, il-biljunarju Ċiniż Liu Zhongtian, in-negozjant Russu Pavel Melenikov u l-Iżraeli Anatoly Hurgin, li irnexxielhom jiżgiċċaw minn eżami suppost rigoruż u ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija: però xorta spiċċaw għaddejjin proċeduri kriminali f’diversi pajjiżi oħra primarjament dwar frodi u ħasil tal-flus!

F’dan iż-żmien ta’ ħtieġa l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna spiċċa dipendenti fuq flejjes li oriġinaw minn dawn is-sorsi maħmuġin. Ma tkunx esaġerazzjoni li ngħid li spiċċa dipendenti minn flus li oriġinaw mill-kriminalità.

Fir-reazzjonijiet tagħha għall-proposti tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea Evelyne Huytebroech, waħda miż-żewġ mexxejja tal-Partit tal-Ħodor Ewropej, emfasizzat li din il-proposta flimkien ma dik tal-Parlament Ewropew u l-proposta Franco-Tedeska ilkoll qed jaraw proċess ta’ self komuni. Dan hu pass il-quddiem għas-solidarjetà Ewropea. Għax is-solidarjetà tinbena bil-mod u bit-tbatija. Imma għal Edward Scicluna dan kollu bajtar tax-xewk!

ippubblikat fuq Illum :il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s