Malta: b’politika diżonesta dwar il-klima

Stimi dwar kemm jista’ jogħla l-livell tal-baħar, b’mod globali kif ukoll fl-Ewropa, ivarjaw skond kif wieħed iqis ir-rata tad-dewbien tas-silġ akkumulat fil-poli kif ukoll fi Greenland. Il-mod kif nilqgħu għall-emissjonijiet tal-karbonju ukoll għandu impatt fuq dawn l-istimi. Dawn l-istimi fil-fatt ivarjaw minn żieda ta’ 34 ċentimetru sa żieda ta’ 172 ċentimetru sa tmiem dan is-seklu. Imma jekk l-emissjonijiet tal-karbonju jkunu indirizzati b’politika iffukata u effettiva, din iż-żieda tista’ tkun waħda iżgħar.

Minkejja dan, ħadd ma qiegħed f’posizzjoni li jantiċpa jekk din iż-żieda fil-livell tal-baħar tkunx waħda gradwali inkella jekk din isseħħx f’daqqa. Hemm iżda l-biża’ li l-gravità tas-sitwazzjoni tista’ taċċellera avolja il-jekk u l-meta ħadd ma jaf. Din hi xi ħaga ġdida għal kulħadd!

Kull żieda fil-livell tal-baħar, kemm jekk isseħħ b’mod gradwali kif ukoll jekk isseħħ f’daqqa, ikollha impatt fuq il-kosta u b’mod partikolari fuq l-infrastruttura żviluppata tul iż-żmien. Din l-infrastruttura hi primarjament waħda turistika imma tinkludi ukoll żvilupp residenzjali li xi drabi jasal sax-xifer, sal-baħar: kemm bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet u anke xi minndaqqiet mingħajrha!

Il-ħsara potenzjali għall-infrastruttura kostali hi kwistjoni li għandha tħassibna. Din diġà sofriet ħsarat diversi minħabba il-maltemp qalil li żied fil-frekwenza u l-intensità tul dawn l-aħħar snin. L-impatt ta’ żieda fil-livell tal-baħar bla dubju ser joħloq tibdil kbir tul il-kosta kollha tal-gżejjer Maltin. L-istorja tgħallimna. Nhar it-Tnejn 28 ta’ Diċembru 1908 fil-5.20 ta’ fil-għodu Messina fi Sqallija ġarrbet wieħed mill-iktar terrimoti qliel li qatt kien hawn fl-Ewropa, b’qawwa mkejla ta’ 7.5 fuq l-iskala Richter. Immedjatament, inħoloq tsunami b’mewġ għoli sa 9 metri. Madwar sagħtejn wara, fit-7.45 ta’ fil-għodu dan it-tsunami, ftit immansat, wasal fil-gżejjer Maltin.

Diversi gazzetti Maltin ta’ dak iż-żmien irrappurtaw li l-lokalitajiet mal-kosta viċin il-livell tal-baħar kienu mgħarrqa fl-ilma mit-7.45 ta’ fil-għodu għax b’effett taz-tsunami l-baħar tela’ l-art. Dan baqa’ sal-4.00 ta’ waranofsinnhar meta l-baħar reġa’ ikkalma u rritorna lejn il-livelli normali tiegħu! Herbert Ganado, f’l-ewwel volum ta’ Rajt Malta Tinbidel jgħid li residenzi u ħwienet tul il-kosta ta’ tas-Sliema, l-iMsida u tal-Pietà kienu mgħarrqa f’tebqa’ t’għajn għax daħlilhom kwantità ta’ ilma fis-sular terran. Bħala medja l-baħar għola madwar erba’ piedi : 1.20 metri. Fil-Port il-Kbir, imma, ma ġara xejn għax kien imħares mill-breakwater, li l-bini tiegħu kien ġie ffinalizzat madwar sentejn qabel, fis-sena 1906.

Żieda fil-livell tal-baħar bħala riżultat tat-tibdil fil-klima tkun tfisser repetizzjoni tal-impatti taz-tsunami tal-1908 mifruxa iktar u fuq bażi permanenti. Il-lokalitajiet Maltin tul il-kosta li qegħdin viċin tal-livell tal-baħar jispiċċaw b’mod permanenti fl-ilma baħar. Dan ikun jinkludi r-ramliet kollha u żoni kummerċjali u residenzjali fl-Għadira, ix-Xemxija, is-Salini, l-Gzira, l-iMsida, tas-Sliema, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà, il-Marsa, Marsaxlokk, Marsaskala, Birzebbuġa, ix-Xlendi, u Marsalforn. L-impatti jistgħu jinħassu iktar il-ġewwa mill-kosta ukoll, f’lokalitajiet li huma f’livell tal-baħar bħal Ħal-Qormi u allura jeffettwa l-inħawi kollha mix-xatt tal-Marsa sa Ħal-Qormi b’dik li hi magħrufa bħala l-Marsa tal-Inġliżi b’kollox. Dan jeffettwa ukoll l-investiment fl-infrastruttura sportiva.

Li jogħla l-livell tal-baħar issa hu inevitabbli. Imma b’ħidma bil-għaqal għad hemm ċans li nnaqqsu kemm dan jogħla. Dan jista’ jseħħ kemm-il darba nieħdu passi biex innaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju u allura inkunu qed nagħtu kontribut biex iż-żieda fit-temperatura globali tkun l-inqas possibli.

Fis-summit ta’ Pariġi, Malta, flimkien mal-bqija tal-pajjiżi, wegħdet li tieħu azzjoni konkreta biex ikun possibli li jonqsu l-impatti fuq il-klima. Però anke jekk il-wegħdiet kollha li saru f’Pariġi jkunu onorati, hu ċar li għadna l-bogħod ħafna milli nilħqu l-mira miftehma li ma naqbżux iż-żieda ta’ żewġ gradi Celsius fit-temperatura. Hu meħtieġ ħafna iktar mingħand kulħadd. Hemm bżonn mhux biss iktar azzjoni konkreta imma ukoll politika koerenti u konsistenti.

Il-politika ta’ Malta dwar il-klima, imma, hi waħda diżonesta. Nuru wiċċ b’ieħor kontinwament. Min-naħa l-waħda l-Gvern Malti jwiegħed li jaġixxi biex ikun possibli li nindirizzaw il-klima. Imma fl-istess ħin jibqa’ għaddej bi proġetti infrastrutturali li jinkoraġixxu iktar karozzi fit-toroq u allura iktar emissjonijiet. L-emissjonijiet tal-karozzi jikkompetu ma dawk li joriġinaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku.

Hemm bżonn li ndaħħlu ftit sens u konsistenza fil-politika ta’ Malta dwar il-klima. Għax sakemm nibqgħu inkonsitenti kullma qed nagħmlu hu li qed ngħinu biex ikompli jitħaffar il-qabar tagħna.

 

ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 24 ta’ Mejju 2020