Mhux il-mument biex ikunu mnaqqsa r-restrizzjonijiet.

Il-konferenza stampa ta’ Julia Farrugia-Portelli, Ministru tat-Turiżmu, dalgħodu kienet interessanti. B’dak li ntqal, u in partikolari bil-kundizzjonijiet iebsa imħabbra biex jiftħu numru ta’ stabilimenti, deher ċar l-argumenti qawwija li kien hemm, u ser jibqa’ jkun hemm, li mhux il-mument addattat biex ikunu mnaqqsa r-restrizzjonijiet dwar l-imxija tal-Covid-19.

Probabbilment li ser jiġri bħalma ġara lil tal-ħwienet: dawk li jiftħu jikkonkludu li ma jaqblilhomx.

Ħadd ma jieħu pjaċir li jkun hawn min ibati. Nifhmu għaldaqstant il-pressjoni biex l-iktar kmieni possibli jinfetħu l-bibien biex bil-mod l-ekonomija terġa’ tibda tieħu r-ruħ.

Imma mhux il-mument: la għar-restoranti u l-anqas għall-hairdressers u oħrajn. In-numru ta’ dawk infettati għadhom hem kuljum: il-virus tal-bieraħ għadu hawn illum u għalissa jidher li ser jibqa’ hawn anke għada. Hemm bżonn noqgħodu iktar attenti. Għax qed nissograw li s-sagrifiċċji li għamilna lkoll jiġu ma jiswew xejn. It-twissija tat-tobba li s-sitwazzjoni mhiex stabbli daqs kemm tista’ tidher jeħtieġ li tingħata piz.