The Shift News qed jirrappurtaw li talbu r-rilaxx tal-ittra ta’ riżenja li Joseph Muscat, dakinnhar Prim Ministru, għadda lill-President tar-Repubblika. It-talba saret taħt il-Freedom of Information Act.
Il-President tar-Repubblika ċaħad it-talba u spjega għaliex kien qed jagħmel hekk. It-tweġiba tiegħu hi inkwetanti iktar miċ-ċaħda innifisha.
The Shift News qed jgħidu li t-tweġiba li waslet għandhom mingħand il-President tar-Repubblika kienet tgħid li mhux ġustifikat il-pubblikazzjoni tal-ittra ta’ riżenja għax kieku dan kellu jsir il-ħsara li issir tiżboq bil-bosta il-benefiċċju tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.
Issa jiena naħseb li ħadd, għajr min kitibha u min irċieviha, ma jaf x’fiha l-ittra. Imma t-tweġiba tal-President tar-Repubblika tagħti lil wieħed x’jifhem li l-ittra fiha spjegazzjoni dettaljata dwar x’wassal għar-riżenja li tmur lil hinn minn dak li nafu diġa.
Jiena għandi kull rispett lejn il-President tar-Repubblika imma naħseb li hu żbaljat. Hu fl-interess pubbliku li l-ittra tkun ippubblikata bla dewmien. Mhux kompitu tal-President tar-Repubblika li jiċċensura informazzjoni ta’ importanza politika.