It-turiżmu għarkuptejh

It-turiżmu hu ewlieni fost l-oqsma tas-setturi ekonomiċi milquta mill-pandemija Covid-19. Dan japplika iktar għat-turiżmu tal-massa li għadu s’issa settur importanti li fuqu hi dipendenti l-industrija turistika Maltija. Julia Farrugia-Portelli, Ministru għat-Turiżmu, (flimkien mal- Ministri għat-Turiżmu tal-Italja, Ċipru, Spanja, Franza, l-Portugall, il-Greċja, ir-Rumanija u l-Bulgarija) f’laqgħa virtwali iktar kmieni din il-ġimgħa fittxet kunsens biex jinħolqu kurituri siguri għat-turiżmu fit-triq lura lejn in-normalità u f’żona ħielsa mill-Covid-19.

Sfortunatament, tal-inqas fl-immedjat, irridu ngħixu mal-virus Covid-19 u l-limitazzjonijiet li ħoloq fuq il-ħajja normali tagħna. It-triq lura lejn in-normalità hi waħda twila. Ir-restrizzjonijiet straordinarji fuq ħajjitna li huma fis-seħħ presentment ma jistgħux jibqgħu għaddejjin b’mod indefinit u dan minkejja li illum huma meħtieġa.

Ir-restrizzjonijiet kważi totali imposti fil-gżejjer Maltin tul il-ġimgħat li għaddew kienu effettivi biex ikunu indirizzati il-biżgħat dwar is-saħħa. Bħala riżultat ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, f’Malta, l-mixja tal-virus kienet imrażżna, kif jixhdu l-aħbarijiet ta’ kuljum imxandra mis-Supretendent dwar is-Saħħa Pubblika.

It-turiżmu qiegħed għarkuptejh. Prattikament waqaf, kullimkien madwar id-dinja, anke jekk temporanjament.

Fl-Unjoni Ewropea mit-turiżmu jiddependu qrib is-27 miljun impieg li jiġġeneraw madwar għaxra fil-mija tal-prodott gross nazzjonali. F’Malta u fil-pajjiżi ġirien fin-nofsinnhar tal-Ewropa, aħna dipendenti iktar mit-turiżmu mill-medja Ewopeja. Ix-xibka tad-dipendenza tal-ekonomija tagħna fuq it-turiżmu hi ferm ikbar minn hekk. It-tbatija kkawżat illum hi għaldaqstant ikbar u r-ritorn għal xi forma ta’ normalità inevitabilment tieħu iktar fit-tul.

Meta ser nirritornaw lura għan-normal? Ċertament li mhux fl-immedjat. Hu ferm dubjuż jekk din ix-xewqa għar-ritorn lejn in-normal magħruf tistax tintlaħaq, anke jekk inħarsu ftit fit-tul. Li hu żgur hu li ma hu ser jinbidel xejn mil-lum għal għada.

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministri tat-Turiżmu tal-Unjoni Ewropea iddiskutew inizjattivi biex jinkuraġixxu t-turiżmu intern fl-unjoni nnifisha u dan permezz tal-ħolqien ta’ speċi ta’ passaporti tas-saħħa bejn żoni ħielsa mill-Covid-19. Sakemm tibqa’ fis-seħħ il-miżura dwar iż-żamma ta’ distanza soċjali, l-proposta mhiex waħda realistika, ta’ l-inqas għall-futur immedjat u probabbilment għal bosta xhur wara.

Sfortunatament l-ivvjaġġar b’mod ġenerali, u b’mod partikolari t-turiżmu, għandu l-potenzjal li jservi għat-tixrid tal-pandemija bl-istess mod kif fil-passat kien il-kummerċ li serva biex xtered mard ieħor f’kull rokna tad-dinja. Fid-dawl ta’ dan, hu probabbli li t-turiżmu tkun fost l-aħħar mill-attivitajiet ekonomiċi li jibdew t-triq lura għan-normal, u dan wara li l-Covid-19 tkun taħt kontroll effettiv fl-Ewropa b’mod ġenerali.

Kulħadd jifhem u japprezza l-ħeġġa tal-Ministeru tat-Turiżmu biex jonqsu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u allura fuq dawk is-setturi li minnhom hi dipendenti l-industrija tat-turiżmu. Sfortunatament, iżda, fil-futur immedjat dan mhux realistiku li jintlaħaq. Hemm dubji kbar anke dwar x’jista’ jseħħ fuq tul ta’ żmien.

L-ekonomija tal-parti l-kbira tan-nofsinnhar tal-Ewropa, u in partikolari dik tal-pajjiżi Mediterranji, hi dipendenti fuq it-turiżmu u dan billi tipprovdi vaganzi bi prezzijiet raġjonevoli tul is-sena kollha għal dawk ġejjin mit-tramuntana u ċ-ċentru tal-Ewropa f’kuntest ta’ suq Ewropew wieħed. Il-miġja tal-vjaġġi b’irħis mifruxa mal-Ewropa kollha komplew kabbru l-firxa ta’ din ix-xibka ta’ dipendenza.

F’dan il-kuntest huwa ċar li ftit jista’ jsir ippjanar bil-quddiem. Hemm ħaġa waħda li hi ċara: il-futur huwa nċert u t-turiżmu għad ma nafux x’sura ser jieħu fix-xhur u fis-snin li ġejjin. It-tbatija mhux ser tintemm hekk kif nieqfu nistennew. Għax it-turiżmu qiegħed għarkuptejh.

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 3 ta’ Mejju 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s