Il-baħar ta’ madwarna ġie ttrasformat f’ċimiterju. Riżultat ta’ kultura ta’ indifferenza, kultura tal-mewt.
Id-dgħajjes bdew jagħmlu l-ilma u l-immigranti ta’ ġo fihom bdew jegħrqu. Qed jegħrqu fil-baħar fejn Malta hi responsabbli għas-salvataġġ. Il-Kabinett Malti qed jipprova jistaħba wara subagħajh biex għamel bħall-Italja u għalaq il-portijiet.
Bla dubju hemm il-problemi. F’dan il-mument hemm problema ikbar minħabba l-kriżi tal-Covid19. Imma dan kollu ma jnaqqas xejn mir-responsabbiltà tagħna għal dak li jiġri fl-ibħra ta’ madwarna li għalihom għandna responsabbiltà biex nikkoordinaw u nħarsu s-salvataġġ ta’ kullmin ikun fil-periklu.
M’għandniex għażla. Hu obbligu. Hi responsabbilta tagħna minħabba l-posizzjoni ġeografika ta’ Malta f’nofs il-Mediterran. Kien hemm ċirkustanzi fejn il-posizzjoni ġeografika sarrifniha fi gwadann ekonomiku. Hemm ukoll ir-responsabbiltajiet. Din waħda minnhom.
Mhux qed ngħid li m’hemmx min jagħmel ħiltu biex jisfrutthom. Mill-ftit li nafu hemm min iqaxxarhom biex iħallihom jitilgħu fuq dgħajsa li tista’ twassalhom sal-mewt. Imma ħajjithom tant hi miżerja li jippreferu jissugraw il-mewt.
Din hi r-realtà.
L-ebda skuża m’hi ġustifikazzjoni biex jitħallew jegħrqu.
Min ħasel idejh u sab skuża biex jagħlaq il-portijiet irid jerfa’ r-responsabbiltà għal dawn l-imwiet. Mhux f’Malta biss, imma fl-Italja ukoll. Inklużi ukoll il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja li ilhom is-snin jostakolaw soluzzjoni dejjiema. Mhux kulħadd, għax f’uħud minn dawn il-pajjiżi kien hemm min ħareġ għonqu ukoll minkejja l-opposizzjoni tal-lemin estrem fil-pajjiżi differenti.
Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Malta għandha ir-responsabbiltà tagħha. L-egħluq tal-portijiet wasslet għal dawn l-imwiet. In-nies qed tmut madwarna u Malta ddawwar wiċċha qiesu ma ġara xejn.
Malta tal-insara iddawwar wiċċha. Kattoliċissima? Insara tal-figolli, tal-vari u l-pasturi. In-nies? Dawk jitħallew jegħrqu.