Pajjiżna dejjem kien ta’ għajnuna lil min kien fil-għawġ. Bosta drabi konna waħedna. Imma xorta bqajna nagħtu l-għajnuna, għax hekk kien sewwa li jsir. Din l-għajnuna tajniha bil-limitazzjonijiet tagħna. Minkejja r-riżorsi limitati tagħna.
Għamilna dak li kien sewwa u mhux dak li kien jaqbel jew dak li kien konvenjenti.
Mhux kulħadd qabel li nagħmlu hekk. Ġieli ma qablux ftit u ġieli ma qablux ħafna. Imma s’issa s-solidarjetà ma’ tqegħditx fi kwarantina.
Ġenerazzjoni wara l-oħra f’Malta emmnet li trid tagħmel bħas-Sammaritan it-tajjeb: li toffri l’id tal-għajnuna u l-ħbiberija, b’mod partikolari meta kulħadd idawwar wiċċu. L-iktar mument diffiċli meta l-għajnuna hi meħtieġa. Issa, sfortunatament, anke l-Gvern qed idawwar wiċċu.
Għandna l-obbligu li ngħidu li qed jagħmel ħażin u li hu meħtieġ li jdawwar ir-rotta, malajr kemm jista’ jkun.
Hi tal-mistħija li uffiċjal tal-Gvern qal, f’dawn l-aħħar siegħat, li jekk hemm bżonn, jiġu ssekwestrati u wara mgħarrqa d-dgħajjes li jwasslu l-immigranti. Li issalva l-ħajja tan-nies mhiex att kriminali, hi opra ta’ ħniena li jmisshom jagħmlu l-Gvernijiet.
Min jabbuża mill-miżerja tal-immigranti maħrubin jimmerita l-istmerrija tagħna lkoll kif ukoll li jkun ikkastigat tal-abbuż. Imma m’għandniex nagħlqu għajnejna u nkunu aħna wkoll fost dawk li jdawwru wiċċhom. Billi ndawwru wiċċna l-problema mhiex ser tisparixxi. Il-problema kienet u ser tibqa’ magħna minħabba l-posizzjoni ġeografika tal-pajjiż tagħna .
Nirrikonoxxu li l-mezzi tagħna huma limitati, issa iktar minn qatt qabel. B’dawk il-mezzi limitati dejjem tajna l-għajnuna. Għalhekk dejjem tlabna li jkollna lil min jgħinna, għax waħedna mhux biżżejjed, tant hi kbira l-problema.
Il-kultura ta’ indifferenza madwarna hi tal-biki. Hi indifferenza li qatlet u ser tibqa’ toqtol.
Meta kulħadd idawwar wiċċu, l-obbligu tagħna li nagħtu l-għajnuna hu ikbar minn qatt qabel. Anke jekk insalvaw ħajja waħda biss.