Wara it-350 każ …….. għad baqa’ ftit ieħor

Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet tal-lum ġejna infurmati illi n-numru tal-persuni infettati issa tela’ għal 350. In-numru tiela’ bil-mod.

Inkwetanti fiċ-ċifra tal-lum hu li fost dawk li ħarġu posittivi għal Covid19 hemm numru ta’ carers u persuni rikoverati f’ċentri tal-anzjani. Minkejja l-miżuri li qed jittieħdu xorta jkun hemm min jinfetta ruħu.

Ġiet identifikata d-diffikultà li qed ikun hemm diversi li filwaqt li jkunu infettati ma jkollhomx sintomi li jinħassu. Dan kollu juri kemm hu importanti li nnaqqsu l-kuntatt kemm jista’ jkun.

Kien pass għaqli li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fissret il-perikli tal-qagħda attwali bl-Ingliż ukoll. Spjegat kemm hu għaqli li noqgħodu ġewwa. Ikun tajjeb li forsi tipprova issib xi lingwa oħra li biha jifhmu l-kaċċaturi ukoll!

It-Times tirrapporta ukoll li ċentru ta’ riċerka fl-Università ta’ Washington, a bażi ta’ dak magħruf s’issa, qed jagħmel projezzjonijiet li sat-tielet ġimgħa t’April suppost jgħaddi l-agħar tal-kriżi bin-numru ta’ każijiet suppost li jibda jonqos minn dak iż-żmien il-quddiem.

Ovvjament, minkejja dak li qed jgħidu xorta jista’ jkun li l-kriżi iddum iktar! Imma dejjem tajjeb li nkunu nafu li min jifhem qed jara li t-tmiem tal-kriżi, wara kollox, jista’ jkun li mhux qiegħed il-bogħod.