Lejn normal differenti

L-imxija tal-coronavirus għadha fl-istadji bikrija tagħha. In-numri ta’ dawk identifikati bħala infettati, s’issa, s-servizzi tas-saħħa qed ilaħħqu magħhom. Nittamaw li l-affarijiet jibqgħu hekk, anke jekk in-numri inevitabilment ser jiżdiedu. Dan ser ikun jiddependi fuq diversi fatturi, ewlieni fosthom li lkoll kemm aħna qed nosservaw dak li jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa biex b’hekk tonqos il-possibilità li l-virus ikun trasmess fuq skala kbira.

Bla dubju, l-mistoqsija fuq fomm kulħadd hi: kemm ser jgħaddi żmien biex il-pajjiż jirkupra minn dan kollu?

F’waħda mill-intervisti li tiegħu, l-Prim Ministru Robert Abela indika li l-kriżi tal-coronavirus tista’ twassal sal-bidu tas-sajf. Jista’ jkun, iżda, li din iddum ferm iktar: possibilment anke sa tnax-il xahar ieħor! Il-medja internazzjonali qed tispekula dwar jekk il-firxa tal-coronavirus tonqosx fis-sajf biex imbagħad tirritorna iktar tard bħall-influwenza “normali” li tkun magħna kull sena. Il-possibilità tat-tieni mewġa tal-coronavirus m’għandiex tkun injorata, għax, jekk dan iseħħ jista’ jkollha impatti konsiderevoli fuq dak li jkun baqa’!

Meta ser niġu lura għan-normal? Il-ħajja f’Malta ser tirritorna għal dak li mdorrijin bih jew ser nieħdu l-opportunità biex nibnu normal ġdid u differenti?

Il-pajjiż jeħtieġlu ż-żmien biex jerġa’ jiġi fuq saqajh, ħafna iktar minn kemm hu meħtieġ biex ikun eliminat il-coronavirus minn fostna. Iż-żmien ta’ stennija nistgħu nagħmlu użu tajjeb minnu billi nibdew nippjanaw bis-serjetà dwar kif ser nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni tal-pajjiż. Huwa iktar diffiċli li nibnu r-reputazzjoni tal-pajjiż milli nsewwu l-ħsara kkawżata mill-firxa tal-coronavirus.

Reċentement ġew ippubblikati żewġ dokumenti bi proposti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira f’din il-ħidma li hi tant meħtieġa. L-ewwel dokument ippubblikat huwa dokument konsultattiv li ippubblika xi ġimgħat ilu l-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Dan hu intitolat: Towards the Regulation of Lobbying in Malta. It-tieni dokument huwa intitolat Review of the Ethical Framework guiding public employees u kien pubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika iktar kmieni din il-ġimgħa. Hi ħasra li, safejn naf jiena, ma teżisti l-ebda verżjoni bil-Malti ta’ dawn id-dokumenti. Dan ukoll hu nuqqas amministrattiv li għandu jkun rimedjat. Il-Malti hu lsienna u proposti ta’ din ix-xorta jeħtieġ li jkunu ppubblikati bil-Malti ukoll.

Fid-dokument konsultattiv tiegħu l-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika jargumenta favur it-trasparenza permezz tar-regolamentazzjoni tal-lobbying, materja li s’issa hi nieqsa mill-liġijiet tagħna. Hu biss permezz ta’ transparenza rigoruża tal-proċess politiku li nistgħu nassiguraw il-kontabilità u allura l-iskrutinju pubbliku tal-formazzjoni ta’ proposti politiċi kif ukoll tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Ilkoll konxji li sakemm il-lobbying ma’ jkunx regolat, dan ser jibqa’ sors ewlieni tal-kontaminazzjoni tal-proċess politiku. Meta nirregolaw il-lobbying, min-naħa l-oħra, nistgħu jkollna proċess politiku infurmat u allura nkunu qed nikkontribwixxu b’mod effettiv għall-kontabilità.

Fit-tieni dokument, l-Awditur Ġenerali jeżamina r-regoli dwar l-imġieba etika li huma mifruxa fl-Att dwar l- Amministrazzjoni Publika, fil-Kodiċi tal-Etika u fil-Kodiċi dwar it-Tmexxija tas-Servizz Pubbliku li flimkien jirregolaw il-mod kif jopera is-servizz pubbliku. L-Awditur Ġenerali ġustament josserva, illi, meta tqis il-kontenut ta’ dawn it-tlett dokumenti flimkien jirriżulta li hemm nuqqas ta’ ċarezza, liema nuqqas joħloq l-inċertezza, u b’hekk tkun imnaqqsa l-effettività tagħhom. Huwa jemfasizza illi r-regoli huma ultimament effettivi skond kemm huma kapaċi jwasslu għal azzjoni konkreta. Jiġifieri r-regoli għandu jkollhom il-kapaċita li jittraduċu l-prinċipji f’azzjoni reali.

Permezz tal-proposti tagħhom il-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika u l-Awditur Ġenerali qed iwasslu messaġġ għat-tisħieħ tal-pedamenti tal-amministrazzjoni pubblika. Bħala riżultat ta’ dan, jista’ jkun possibli li nibnu “normal ġdid” u differenti minn dak li drajna bih sal-lum. Normal fejn il-governanza tajba ma tkunx iktar eċċezzjoni imma tkun l-imġieba normali li nistennew mingħand dawk fil-ħajja pubblika u fl-amministrazzjoni pubblika għas-servizz tal-pajjiż.

Il-waqfien tal-pajjiż ħtija tal-mixja tal-coronavirus hi ukoll opportunità għal riflessjoni tant meħtieġa. Huwa l-waqt li l-paroli kollu dwar governanza tajba nittrasformawh f’azzjoni konkreta. Il-pajjiż għandu bżonn ta’ normal ġdid, ta’ normal differenti minn dak imdorrijin bih.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 5 t’April 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s