In-natura dejjem tiddeċiedi

Bħala riżultat tal-coronavirus il-pajjiż kważi wieqaf. Ġie kkonfermat għal darba oħra li m’aħniex iżolati min-natura u l-forzi naturali ta’ madwarna. Ma għandna l-ebda immunità la mill-virus u l-anqas mill-forzi tan-natura.

Illum hawn il-pandemija tal-coronavirus li għaddejja tkaxkar minn quddiema lil min ma jkunx moħħu hemm. Għada, mhux ‘il-bogħod, irridu niffaċċjaw il-qilla tat-tibdil fil-klima.

In-natura ma tiddiskriminax u tibqa’ għaddejja minn fuq kulħadd.

Il-pandemija tal-coronavirus hu maħsub li oriġinat f’Wuhan iċ-Ċina, fis-suq tal-annimali maqbuda mis-selvaġġ, permezz tal-bejgħ ta’ laħam tagħhom, ewlieni fosthom laħam tal-friefet il-lejl.

Din ġrat drabi oħra. Il-marda respiratorja magħrufa bħala SARS (Severe Acute Respiratory Syndrome), li tfaċċat madwar għoxrin sena ilu imma li kellha firxa limitata, ukoll oriġinat minn virus ġej mill-istess familja tal-coronavirus. Ġie identifikat li anke is-SARS toriġina minn annimali fis-selvaġġ. Jidher li fiż-żewġ każi l-virus joriġina prinċipalment mill-friefet il-lejl.

Fi żmien ieħor, kien skopert li l-HIV (Human Immune-deficiency Virus) li jattakka u jeqred id-difiża interna ta’ ġisimna toriġina minn l-ikel ta’ laħam tax-xadini infettat. Anke l-virus Ebola, kawża ta’ infezzjonijiet fatali, hi trasmessa minn annimali infettati bħall-friefet il-lejl u x-xadini, ġeneralment permezz tal-ikel ta’ laħam infettat.
In-natura għandha l-ħabta li meta jidhrilha tiddeċiedi. Il-virus jibqa’ għaddej b’mod naturali u sakemm jitwaqqaf b’imġiebitna xejn ma jżommu.

It-tbagħbis tan-natura dejjem iwassal għal konsegwenzi serji. Hemm prezz x’jitħallas għal imġiebitna. Kull meta ninjoraw dan il-fatt bażiku, jiddispjaċina.

Nimmaġina li ħadd minna ma kiel laħam infettat ġej mill-friefet il-lejl inkella mix-xadini. Aħna iżda nbagħbsu man-natura mod ieħor li fuq tul ta’ żmien jagħmel ħsara daqs il-virus li jaqbeż mill-farfett il-lejl għal ġol-bniedem.

Il-kwalità tal-arja tagħna ħafna drabi hi deskritta mill-agenzija Ewropea tal-Ambjent bħala waħda fqira.

Imma wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri biex nikkumbattu l-imxija tal-coronavirus, fl-Imsida, fejn l-Awtorità tal-Ambjent għandha stazzjon li jkejjel il-kwalità tal-arja, ġie osservat tnaqqis fit-tniġġiż tal-arja. L-informazzjoni li nġabret mill-kampjuni tal-kwalità tal-arja tindika tnaqqis sostanzjali fit-tniġġiż li hu assoċjat mal-użu tal-karozzi. Dan seħħ tul dawn l-aħħar ġimgħat bħala riżultat tal-fatt li iktar nies qed jaħdmu mid-dar kif ukoll minħabba li l-istituzzjonijiet edukattivi għalqu l-bibien tagħhom. L-użu tal-karozzi naqas sostanzjalment u dan wassal għal tnaqqis fit-tniġġiż li joriġina mit-traffiku.

Kellha tkun il-coronavirus li twassal għall-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tat-trasport li identifikat id-dipendenza fuq il-karozzi bħala l-problema ewlenija li dawk li jfasslu l-miżuri dwar it-trasport kontinwament jinjoraw. Nofs il-vjaġġi bil-karozzi privati f’Malta idumu inqas minn 15-il minuta. Dan ifisser li l-mobilità meħtieġa hi prinċipalment ta’ natura lokali jew reġjonali u għal distanzi qosra. Xi ħtieġa hemm ta’ karozzi privati għal dan? F’pajjiż fejn kważi kullimkien huwa tefa’ ta’ ġebla ‘l-bogħod għandna iktar minn biżżejjed mezzi alternattivi ta’ transport.

L-impatt tal-Covid-19 fuq il-ġenerazzjoni tat-traffiku u allura fuq il-kwalità tal-arja jindika li m’għandniex ħtieġa li nibqgħu għaddejjin bil-ħela ta’ fondi pubbliċi fuq proġetti massivi mhux meħtieġa in konnessjoni mal-infrastruttura tat-toroq. Ilkoll jeħtieġ li nifhmu li hu possibli illi nnaqqsu sostanzjalment l-impatti fuq il-kwalità tal-arja jekk nindirizzaw bis-serjetà d-dipendenza tagħna lkoll fuq il-karozzi privati. Jagħmlu tajjeb dawk li huma nkarigati mill-ippjanar tat-trasport jekk jagħtu każ tal-impatti tal-coronavirus fuq it-traffiku: tibdil fl-imġieba tagħna lkoll u tnaqqis tat-traffiku ġġenerat.

L-impatt tat-traffiku fuq il-kwalità tal-arja hu kontribut sinifikanti ta’ Malta għat-tibdil fi-klima. It-tibdil fil-klima hi r-reazzjoni tan-natura għat-tniġġis tal-arja ikkawżat fid-dinja, prinċipalment mill-bniedem. Din diġa qed timmanifesta ruħha permezz ta’ tibdil, kultant sostanzjali, fit-temperaturi, perjodi twal ta’ nixfa u varjazzjonijiet dwar meta u kemm tagħmel xita. Kultant l-istaġuni donnu jaslu barra minn żmienhom.

L-impatti tal-coronavirus qed jagħtu ftit nifs lin-natura u dan mhux biss f’Malta! Hemm bosta lezzjonijiet x’nitgħallmu biex forsi nibdlu l-imġieba tagħna u l-istil ta’ ħajjitna. Meta l-impatti tat-tibdil il-klima jiżdiedu u jilħqu l-milja tagħhom, dak li għaddej bħalissa riżultat tal-coronavirus inqiesuh bħala insinifikanti. Hemm bżonn niftħu ftit widnejna u nagħtu każ dak li qed tgħidilna n-natura.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 29 ta’ Marzu 2020

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s