Il-ħatra ta’ Marthese Portelli bħala Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) hi mossa intelliġenti min-naħa ta’ Sandro Chetcuti. Hi mossa li ġiet ippreżentata bħala pass il-quddiem fl-organizzazzjoni aħjar tal-iżviluppaturi, imma fl-istess ħin tikxef il-PN kif inhu verament : li taħt il-maskra tapasi favur l-ambjent hemm realtà ta’ xorta oħra. Is-servizz tal-ispekulaturi.
L-għażla tal-ex Membru Parlamentari Marthese Portelli mill-MDA hi pass biex jippreżentaw ruħhom b’mod iktar rispettabbli fil-konfront ta’ dawk li jiddarsu mill-assoċjazzjoni ta’ Sandro Chetcuti mar-raba’ sular tal-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Keith Schembri l-Kasco. B’daqqa ta’ pinna l-assoċjazzjoni tal-MDA issa hi maż-żewġ partiti l-kbar. Sandro jibqa’ dejjem interessat fiż-żewġ supermarkets politiċi, dejjem ifettex l-offerti tat-tnejn biex jara x’jaqbel fl-interess tal-ispekulazzjoni u tal-ispekulaturi. Sandro hu konsistenti favur l-interess tal-membri tal-MDA.
Fid-dawl tal-ħatra ta’ Marthese Portelli dak li qalet fuq issues ambjentali u l-ippjanar tal-użu tal-art tul is-snin, issa jiġi mifli għall-kuntrasti u l-kontradizzjonijiet li bla dubju ser jibdew jirriżultaw. Tul ix-xhur li ġejjin naraw il-kuntrast bejn dak li qalet fil-passat u dak li ser tipprova tiddefendi jew tipproponi fil-futur.
F’dan il-kuntest, dak li qal riċentement Adrian Delia dwar Marthese Portelli jassumi sinifikat ikbar: Ma’ Marthese Portelli dejjem taf fejn int. Tgħid?