Il-Ministru Silvio Schembri, l-bieraħ, fil-Parlament, kien qed jitkellem fuq il-ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li qed jaħdmu f’Malta u li tilfu jew ser jitilfu l-impieg tagħhom riżultat dirett tal-impatt tal-mixja tal-coronavirus. Tkellem b’nuqqas ta’ rispett lejn min ta’ servizz u kontribut lejn l-ekonomija Maltija tul is-snin. Minn Ministru mill-Partit tal-Laburista, il-partit tal-ħaddiema, kont nistenna mod ieħor!
Fl-istess nifs li qiegħed jitkellem b’dan il-mod, Silvio Schembri qiegħed jinsa’ li anke is-servizz li qiegħed jagħtina bħalissa id-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta huwa dipendenti ukoll fuq numru mdaqqas ta’ ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li flimkien mal-ħaddiema Maltin qed jagħtu servizz impekkabbli u b’dedikazzjoni kbira: mingħajrhom id-Dipartiment tas-Saħħa bla dubju ma jkunx dak li hu. Dan jgħodd għal kull wieħed u waħda minnhom, irrispettivament mix-xogħol li qiegħed u qegħda tagħmel. Għandna nkunu grati lejn kull wieħed u waħda minnhom u mhux nitkellmu b’dak it-ton ta’ tmaqdir.
Ir-rispett lejn ix-xogħol u min jagħmlu għandu jintwera dejjem u f’kull ħin u jmur lil hinn min-nazzjonalità jew mill-kulur tal-ġilda tagħhom.
Hu tal-mistħija li Silvio Schembri jitkellem b’dak il-mod. Pajjiżna ma jarmix lil min taħ servizz. In-nies mhumiex bħal-lumija, tagħsar u tarmi meta taħseb li ma jkollokx bżonnhom.
F’pajjiż li jirrispetta lilu innifsu, Silvio Schembri kien ikollu jwarrab immedjatament. F’partit li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala Laburista, kont naħseb li ma hemmx post għal nies b’dawn l-ideat. Għax ħadd ma hu għar-rimi, l-anqas il-ħaddiema barranin.
B’min jaħseb li ser terġa’ tinbena l-ekonomija Maltija, wara li tgħaddi din il-kriżi?