Il-pajjiż issa kważi wieqaf, riżultat tal-Coronavirus.
L-egħluq tad-diversi attivitajiet sar b’mod gradwali u responsabbli. F’ċirkustanzi bħal dawn, kif inhu naturali, ikun hemm diversi fehmiet dwar dik li hi l-aħjar triq. L-argument hu jekk l-egħluq parzjali kienx biżżejjed inkella jekk hux il-każ ta’ egħluq totali.
Jiena naħseb li l-Gvern għamel sewwa li mexa bi strateġija ċara li bħala l-ewwel pass jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex il-virus ma jixteridx. Wara jvarja fil-miżuri skond ma jirriżulta meħtieġ.
Il-fatt li sal-ħin li qed nikteb hemm biss 21 każ, (kollha importati), u l-ebda mewt, hu prova li l-passi li ittieħdu, għalissa, huma effettivi.
Ma’ dawn il-21 każ iridu jiżdiedu dawk li qegħdin fi kwarantina u li eventwalment uħud minnhom jistgħu jirriżultaw posittivi. Dan ikun ifisser kemm kien għaqli l-pass ta’ kwarantina preventive biex il-virus ma jixteridtx.
Id-diffikulta hawnhekk qegħda biss dwar jekk iddaħħalx fi kwarantina kull min kellu jiddaħħal. Probabbilment li għalhekk ġie deċiż li kull min jirritorna Malta minn barra jeħtieġu joqgħod għal kwarantina obbligatorja.
S’issa nistgħu ngħidu li t-team fid-Dipartiment tas-Saħħa ħadem tajjeb u li ippjana sewwa u b’reqqa. Grazzi.
Hi sitwazzjoni diffiċli għal kulhadd, iżda tgħaddi ukoll. Imma warajha ser tħalli herba, kullimkien. Kif jgħaddi l-Coronavirus forsi nifhmu lil-pajjiż hu ta’ kulħadd dejjem, u mhux biss fi żmien ta’ kriżi.