In-nies qabel il-profitt

Wara inċident  ieħor ta’ kollass ta’ bini li seħħ iktar kmieni illum bejn Santa Venera u l-Ħamrun, bħal kulħadd jiena mnikket għax uħud fl-industrija tal-kostruzzjoni jidher li ma jridux jitgħallmu li n-nies jiġu qabel il-profitti.

Ilna ngħidu li n-nies għandhom ikunu mħarsa. Ilkoll naqblu suppost. Imma l-incidenti donnhom ma jridux jieqfu.

F’dan il-mument ta’ dieqa ħsiebna mal-familja ta’ Miriam Pace li hi maqbuda taħt it-terrapien.

Mhux prudenti li ngħid iktar f’dan il-mument.

It-tnaqqis tal-iskart iġġenerat, jipproteġi l-art agrikola

Ir-residenti ta’ Birżebbuġa jilmentaw dwar it-tniġġiż mill-ħsejjes iġġenerati mill-Port Ħieles. Ir-residenti tal-Furjana jilmentaw dwar l-impatti tal-cruise liners fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom, kemm minħabba t-tniġġiż tal-arja kif ukoll minħabba t-tniġġiż akustiku. Ir-residenti tal-Gudja, Ħal-Luqa, Ħal-Kirkop u tal-irħula tal-madwar huma effettwati mill-operat tal-uniku ajruport li għandna. L-impjant ta’ Sant Antnin għat-Trattament tal-iskart qatt ma tqies ġar eżemplari mir-residenti ta’ Wied il-Għajn.

Ħadd ma jixtieq miżbla wara biebu. Miżbla jew faċilità għall-immaniġjar tal-iskart wara l-bieb, tfisser iktar minn impatti negattivi jekk teħodlok ukoll l-għodda ewliena tal-għixien tiegħek inkella teqridlek darek. Dan hu l-każ tal–bdiewa u r-residenti tal-Magħtab.

Il-miżbla tal-Magħtab ilha topera mill-1977, meta l-miżbla f’Wied Fulija (Iż-Żurrieq) kienet qed toqrob li timtela.

Il-bdiewa tal-Magħtab ilhom jaqilgħu fuq rashom żmien. Wieħed mill-bdiewa li ltqajt miegħu l-ġimgħa l-oħra spjegali li lill-familja tiegħu, fl-1975 kienu ħadulhom 75 tomna raba’ li kienet tinħadem, ftit iktar minn 84,000 metru kwadru, biex jiffurmaw parti mill-miżbla li nħolqot dakinnhar. Illum ser jeħdulhom 25 tomna oħra biex ikabbru madwar 28,000 metru kwadru.

Kif nistgħu nevitaw li l-kumpless tal-iskart fil-Magħtab ikompli jikber billi jibla’ 254,144 metru kwadru ta’ art, primarjament raba’ li tinħadem, kif qed tipproponi l-Wasteserv?

X’ġustizzja hi li sezzjoni waħda tal-popolazzjoni tkun mistennija li ġġorr waħedha l-piż tal-impatti li lkoll kemm aħna nikkontribwixxu għalihom? Ma jkunx iktar ġust li l-piż jinqasam? Fejn ser niġbdu linja?

Jekk nillimita ruħi għall-materja presentment taħt il-lenti, dik tal-immaniġjar tal-iskart, neħtieġu ppjanar sew u dan fil-kuntest tal-għodda ta’ politika kurrenti li tikkonċerna l-iskart. Imma jeħtieġilna li nimxu mal-miri ta’ ħidma stabiliti, għax inkella ma naslu qatt.
It-tnaqqis tal-ħolqien tal-iskart, li dan jintagħżel (is-separazzjoni) u li jkun riċiklat huma tlett għodod bażiċi fil-ħidma li ssir biex l-iskart ikun immaniġjat. Jekk dan isir sewwa l-ammont ta’ skart li jispiċċa fil-miżbla għandu jonqos b’mod sostanzjali. B’riżultat ta’ hekk jkun hemm inqas ħtieġa ta’ art biex tkun kkonvertita f’miżbla. Dan hu l-iskop tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni Ewropeja li suppost li ilna nsegwu sa minn meta fl-2004 isseħibna fl-Unjoni Ewropea.

Il-politika dwar it-tnaqqis tal-ħolqien tal-iskart tfisser tnaqqis ippjanat tal-iskart iġġenerat. Inizjattivi dwar amminsitrazzjoni elettronika huma passi posittivi f’din id-direzzjoni. L-amministrazzoni elettronika hi waħda bla karti, avolja xi kultant din twassal sempliċiment biex tnaqqas l-użu tal-karta minn uffiċċju u żżidu f’ieħor. Anke it-tnaqqis fl-iskart li joriġina mill-ippakkeġġjar ukoll jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-iskart iġġenerat. Fi djarna hu possibli ukoll li nnaqqsu l-iskart li nipproduċu. F’dan il-kuntest kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni għandhom rwol importanti.

Imma hemm kontradizzjoni fil-politika tal-Gvern f’dan ir-rigward. Id-deċiżjoni li jkollna inċineratur tirrikjedi ammont kontinwu ta’ skart biex jitma lill-inċineratur. Filwaqt li suppost li qed ninkoraġixxu t-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart, l-inċineratur jirrikjedi l-oppost: il-ġenerazzjoni kontinwa ta’ ammont sostanzjali ta’ skart. Mingħajru l-inċineratur ikollu jagħmel id-dieta.

Is-separazzjoni tal-iskart tinvolvi l-għażla ta’ tipi differenti ta’ skart. Dan jiffaċilita li l-iskart li jkun intagħżel ikun użat u mhux mormi. Is-separazzjoni tal-iskart organiku, per eżempju, jiffaċilita it-trattament ta’ dan l-iskart biex minnu jkun prodott kemm l-elettriku kif ukoll il-kompost. L-iskart organiku jammonta għal madwar 50% tal-iskart iġġenerat fid-djar. Imma fl-industrija tal-catering l-iskart organiku jammonta għal porzjon ferm ikbar mill-iskart iġġenerat f’dik l-industrija.

Skond il-Wastserv, 27,000 tunellata ta’ skart organiku inġabru mid-djar matul l-2019. Dan jista’ jiżdied għal 70,000 tunellata fis-sena jekk f’kull dar nagħmlu sforz ikbar biex l-iskart organiku jkun separat. Il-Wasteserv ma tipprovdix informazzjoni dwar l-iskart miġbur mill-istabilimenti tal-ikel. Bħala riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ informazzjoni l-Wasteserve qed tindika li ma tafx x’qed jiġri f’dan il-qasam. Lanqas ma hu ċar jekk l-iskart organiku mhux ipproċessat li dan l-aħħar deher imħallat ma skart ieħor f’ritratti u filmati dwar l-operat tal-miżbla tal-Magħtab hux inkluż fl-informazzjoni ippubblikata mill-Wasteserv.

Li niġbru l-iskart organiku b’mod separt u li nipproċessawh ma jfissirx biss li jkun hemm inqas skart li jmur fil-miżbla: ifisser tnaqqis mhux żgħir fil-gassijiet serra (greenhouse gases) attribwibbli lil Malta u allura tnaqqis tal-impatt Malti fuq it-tibdil fil-klima.

Ir-riċiklaġġ tal-iskart f’Malta għadu lura meta mqabbel ma dak mistenni minna. L-unika qasam li qabad huwa dak li jirrigwarda l-iskart tal-ippakkeġġjar. Iż-żieda meħtieġa fir-riċiklar ukoll tnaqqas l-iskart li jinġabar fil-miżbla u għaldaqstant meta naslu biex inżidu r-rata tar-riċiklar il-Wasteserv ikollha inqas ħtieġa li tuża’ art agrikola biex testendi l-miżbla tal-Magħtab.

L-għajnuna li nistgħu nagħtu lill-bdiewa tal-Magħtab biex ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu ir-raba’ tista’ timmaterjalizza biss jekk inkunu kapaċi innaqqsu bil-kbir l-iskart li nibgħatu fil-miżbla. Għandna niftakru li l-istrateġija kurrenti għall-immaniġjar tal-iskart fil-gżejjer Maltin għandha l-mira ta’ skart zero sas-sena 2050. Għadna lura biex naslu!

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2020