Il-Wasteserve: fil-Magħtab qed topera bla permess

Diversi bdiewa fil-Magħtab ġew mitluba biex jikkuntattjaw il-Wasteserve sa tmiem dan ix-xahar biex ikun iffaċilitat aċċess għall-art li qed jaħdmu u dan bl-iskop li din tkun eżaminata, “bil-ħsieb li possibilment tiġi akkwistata għal skop pubbliku”. L-avviż legali numru 1261 li kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta’ Diċembru 2019 jgħid li hemm tmien biċċiet art fil-Magħtab li qed ikunu ikkunsidrati. Din l-art għandha qies totali ta’ 254,144 metru kwadru, jiġifieri ftit iktar minn 226 tomna. Il-parti l-kbira minn din l-art għadha qed tinħadem minn bdiewa minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli li nħolqu kemm ilhom joperaw il-miżbliet fil-Magħtab sa mill-1975.

Xi ħtieġa għandha l-Wasteserve għal din l-art? Hemm tlett materji ewlenin dwar l-iskart li huma pendenti.

Il-miżbliet tal-Magħtab dalwaqt jimtlew. Bla dubju din is-sitwazzjoni wasalna għaliha qabel ma kien antiċipat minħabba li qed jintrema wisq skart. Ir-riċiklar għadu f’livell insinifikanti. Il-ġbir tal-iskart organiku b’mod separat għadu fil-bidu. Hemm ħtieġa urġenti biex in-nies tagħraf iktar il-ħtieġa li tnaqqas kemm l-iskart kif ukoll l-ammont tiegħu li qed jintrema fil-miżbliet.

Il-Gvern, probabbilment li qed iħejji biex jimplimenta l-wegħda elettorali dwar l-egħluq tal-impjant ta’ Sant Antnin li jittratta l-iskart. Din hi l-wegħda numru 27 fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017. Probabbilment li dan ukoll jispiċċa fil-kumpless tal-iskart tal-Magħtab li l-Wasteserve tirreferi għalih bħala iċ-Ċentru Ambjentali tal-Magħtab.

It-tielet pendenza hi dwar l-inċineratur li hu ppjanat li jibda jopera sa mhux iktar tard mill-2025.

Il-Wasteserve teħtieġ l-art għal dan kollu li ser iwassal biex il-Magħtab ikun ikkonvertit permanentement fiċ-ċentru tal-iskart fil-gżejjer Maltin.

Il-Wasteserve, fuq is-sit elettroniku tagħha tiddeskrivi l-kumpless tal-Magħtab bħala ta’ daqs komparabbli mal-Belt Valletta, li hi mifruxa fuq 600,000 metru kwadru.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Aaron Farrugia, Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, li hu politikament responsabbli għall-Wasteserve, spjega, waqt intervista mxandra fl-aħbarijiet, li l-estensjoni ippjanata għall-miżbla tal-Magħtab teħtieġ 145,000 metru kwadru ta’ art filwaqt li l-inċineratur propost u “faċilitajiet oħra” jirrikjedu 105,000 metru kwadru addizzjonali. Il-facilitajiet oħra hi referenza għall-wegħda elettorali tal-Partit Laburista biex jingħalaq l-impjant ta’ Sant Antnin għat-trattament tal-iskart.

Meta tgħodd din l-art kollha għall-proġetti tal-Wasteserve fil-Magħtab ifisser li d-daqs tal-kumpless għall-iskart ser jikber għal madwar 850,000 metru kwadru, meta l-proġetti jkunu kollha mplimentati. Dan ifisser li l-254,144 metru kwadru ta’ art, primarjament raba’, imsemmija fil-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta’ Diċembru 2019 tista’ isservi bl-eżatt. Xejn ma neħodha bi kbira, iżda, jekk il-Wasteserve, bħal Oliver Twist, tkun trid iktar.

Meta nfittxu fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) niskopru li l-permessi magħrufa bħala IPPC permits għall-miżbliet fil-Magħtab ilhom ftit li skadew. Dan ifisser li l-Wasteserve qed topera fi stat ta’ illegalità.

Dawn il-permessi imsejħa IPPC permits (Integrated Pollution Prevention and Control) jinħarġu mill- ERA skond kif tistabilixxi direttiva tal-Unjoni Ewropeja u dan wara li jkun hemm studji dettaljati dwar l-attività (f’dan il-kaz miżbla) u l-impatti tagħha. Skont is-sit elettroniku tal-ERA il-miżbla għal skart mhux perikoluż Ta’ Żwejra fil-kumpless tal-Magħtab qed topera fuq bażi ta’ permess li skada fl-24 ta’ Lulju 2018 (permess IP 0001/05). Min-naħa l-oħra l-miżbla għal skart mhux perikoluż tal-Għallis, ukoll fil-kumpless tal-Magħtab, qed topera fuq bażi ta’ permess li nħareġ f’Jannar 2013 u li suppost li skada fil-bidu tal-2018 (permess IP 0001/06).

Jekk il-Wasteserve mhiex kapaċi tosserva liġijiet bażiċi ambjentali, ħadd ma għandu jeħodha bi kbira li sezzjoni tal-pubbliku jimxu fuq l-eżempju tagħha.

Għaliex ir-regolatur ambjentali, l-ERA, tittollera dawn l-affarijiet? Ic-Chairman tal-ERA, l-Professor Victor Axiaq, għandu jispjega x’inhu jiġri. Messu ilu li rreżenja.

 

ippubblikat fuq Illum :Il-Ħadd 23 ta’ Frar 2020