Fil-Qorti illum bdew jinstemgħu ir-recordings ta’ Melvin Theuma jitkellem ma Yorgen Fenech fit-taxi tiegħu. Dan waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Yorgen Fenech jinstemgħa jgħid li Silvio Valletta kien għaddielu informazzjoni mill-investigazzjoni u speċifikament dwar Vince Muscat il-Koħħu, li kien qed jitlob li jingħata l-maħfra bi tpartit ma informazzjoni dwar dak kollu li kien jaf.
Silvio Valletta li kien Deputat Kummissarju tal-Pulizija sa tmintax-il xahar ilu ħareġ stqarrija li jiċħad dan kollu. Ngħiduha kif inhi, ħadd ma kien qiegħed jistennieh jikkonferma!
Imma, wara l-partita tac-Chelsea li mar jara fil-kumpanija ta’ Yorgen Fenech, ma nafx min ħa jemmnu lil Silvio Valletta!
Dan kien ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa investigaturi li kellu l-korp tal-Pulizija f’Malta. Min jaf kif ikun l-agħar wieħed!