Pass tajjeb Julia: u issa?

Għada kif ħarġet l-aħbar li l-Ministeru tat-Turiżmu, wara li rċieva parir legali, ordna lill-Awtorità tat-Turiżmu biex il-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Konrad Mizzi bi ħlas ta’ €80,000 fis-sena jkun annullat.

Pass tajjeb dan għal Julia Farrugia, l-Ministru ġdid tat-Turiżmu li sabet din il-ħatra ma wiċċha u ħadet passi. Ħatra li saret bil-moħbi fl-aħħar jiem tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Li tħassar il-kuntratt hu pass tajjeb. Imma jeħtieġ ukoll li jittieħdu passi oħra.

Min ordna li Konrad Mizzi jkun ingaġġat bħala konsulent tal-Awtorità tat-Turiżmu? Ma naħsibx li dan sar minn wara dahar Joseph Muscat.

Bla dubju huma nvoluti ukoll Gavin Gulia Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu u Johann Buttigieg Chief Executive li ġie ngaġġat dan l-aħħar wara li Ian Borg ra kif għamel u ħeles minnu mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-kuntratt fil-fatt hu iffirmat minn Johann Buttigieg.

L-istorja m’għandhiex tieqaf hawn. Diġa saret talba biex il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament jinvestiga.

Imma dan il-kaz hu ukoll wieħed dwar nuqqas ta’ mġieba etika u għandu jkun eżaminat mill-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika fil-konfront kemm ta’ Joseph Muscat kif ukoll ta’ Gavin Gulia u Johann Buttigieg.

Ser nagħmel talba lil Dr George Hyzler biex jinvestiga dan.