Il-governanza tajba tinbena fuq it-transparenza

It-transparenza hi l-pedament essenzjali għal governanza tajba. B’kuntrast ma dan, il-governanza ħażina, ġeneralment, tkun akkumpanjata mis-segretezza u dan billi jinżamm jew ikun ostakolat l-aċċess għal informazzjoni ta’ kull xorta, liema informazzjoni għandha tkun pubblika.

Il-ħmieġ assoċjat mal-Panama Papers sirna nafu bih fil-mument li nkixfet l-informazzjoni dwar dawk li fittxew l-irkejjen tad-dinja fejn hi inkoraġġita s-segretezza: irkejjen fejn jinħbew il-flus ġejjin mill-korruzzjoni u mill-evażjoni tat-taxxi. Bl-istess mod l-iskandlu tal-Vitals dwar l-isptarijiet kif ukoll it-taħwid kollu assoċjat mal-power station ma kienux iseħħu kieku l-Partit Laburista fil-gvern għażel it-trasparenza flok is-segretezza bħala għodda essenzjali għat-tmexxija. Segretezza li kultant twaħħxek.

Il-kontabilità li tant niftaħru biha, wara kollox, hi dwar ir-responsabbiltà. Tfisser l-għarfien tar-responsabbiltà għal dak li nagħmlu. Dan ma jistax iseħħ jekk ma ssaltanx it-trasparenza, dejjem, u mhux biss meta jaqbel.

Il-ġimgħa l-oħra, l-Kamra tal-Kummerċ ippubblikat dokument bil-ħsibijiet tagħha dwar il-ħtieġa li tkun inkoraġġita u msaħħa l-governanza tajba. Kien f’loku li l-Kamra tal-Kummerċ emfasizzat li l-governanza tajba hi msejsa fuq it-trasparenza, l-kontabilità u s-saltna tad-dritt.

Spiss jingħad li l-informazzjoni hi poter. It-transparenza hi dwar dan il-fatt: li jkun assigurat li l-poter jinfirex. Għax hu biss meta jkollna għarfien ta’ dak li qed jiġri li nkunu nistgħu neżerċitaw id-dritt bażiku tagħna bħala ċittadini li neżiġu illi kull min jiddeċiedi, u allura jeżerċita l-poter, jagħti kont ta’ egħmilu, dejjem.

Il-politiċi mhumiex l-uniċi li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dawn jinkludu liċ-ċivil u lil dawk li jmexxu l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet imwaqqfa biex jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-istat fit-twettieq tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tiegħu.

It-trasparenza teħtieġ li tinfirex anke fid-dinja tal-kummerċ. Spiss nisimgħu lil min jemfasizza li l-politika m’għandiex tindaħal fis-settur privat, fid-dinja tan-negozju. Għal uħud għadu mhuwiex ovvju li anke s-settur privat, u in-partikolari id-dinja tan-negozju, għandu joqgħod lura milli “jindaħal” fil-politika. Fost affarijiet oħra dan ifisser il-ħtieġa li jkun regolat il-lobbying. Dan ma jsirx billi il-lobbying ikun ipprojibit imma billi kull attività ta’ lobbying tkun transparenti. Għax jekk il-lobbying isir sewwa jista’ ikollu impatt posittiv fuq it-tfassil tad-deċiżjonijiet. Hi is-segretezza li tagħti fama ħażina lill-lobbying, segretezza intenzjonata biex ixxaqleb id-deċiżjonijiet lejn interessi kummerċjali u fl-istess ħin biex tostor it-taħwid.

Huwa f’dan id-dawl li l-inizjattiva tal- Ministru l-ġdid għall-Ambjent Aaron Farrugia li jżomm lista tal-laqgħat kollha tiegħu ma’ dawk li jfittxu li jiltaqgħu miegħu, inkluż mal-utenti, u li jippubblika din l-informazzjoni fil-forma ta’ reġistru ta’ trasparenza hi pass kbir ‘il quddiem. Din l-inizjattiva hi f’waqtha u hi ta’ eżempju lill-politiċi oħrajn biex huma ukoll jipprattikaw it-transparenza. Dan imma għandu jkun biss l-ewwel pass li jeħtieġ li jkun segwit bil-pubblikazzjoni ta’ proposti u dokumenti li l-Ministru jirċievi waqt dawn il-laqgħat, kif ukoll il-minuti tal-laqgħat li jkunu saru.

Hu magħruf li l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika qed iħejji biex jippubblika abbozz ta’ proposti dwar ir-regolamentazzjoni tal-lobbying biex eventwalment tkun tista’ issir konsultazzjoni pubblika dwarhom. Nittama li dan iwassal għal sitwazzjoni fejn f’dan il-qasam Aaron Farrugia ma jibqax l-eċċezzjoni. Il-bqija tal-membri tal-Kabinett m’għandhomx jibqagħlhom għażla. Għandhom ikunu kostretti li huma wkoll jaġixxu biex it-transparenza fil-ħidma politika tkun ir-regola u mhux l-eċċezzjoni.

Għax huwa biss meta it-transparenza jkollha egħruq fondi u b’saħħithom li nistgħu nibdew intejbu d-demokrazija tagħna billi neliminaw id-difetti li tħallew jakkumulaw tul is-snin.

 

ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 26 ta’ Jannar 2020

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s