Riżenja f’waqtha ta’ Justyne

Ir-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru kienet f’waqtha. Għamlet sewwa li irriżenjat. Fiċ-ċirkustanzi kif żviluppaw kienet l-unika triq onorevoli li setgħet tieħu. Għamel sewwa l-Prim Ministru li aċċetta din ir-riżenja mill-ewwel.

Dan hu l-mod normali li jaġixxu l-politiċi f’pajjiż normali. Huwa tajjeb li qed nibdew noqorbu lejn in-normalità.

Nifhem perfettament l-ispjega li tat Justyne li ma kelliex x’taqsam xejn ma dak li ġara. Imma li tgħid li ma kienet taf b’xejn hu daqsxejn diffiċli li titwemmen.

Il-gravità ta’ dak li ġara hi l-familjarità żejda li uffiċjal ewlieni tal-Korp tal-Pulizija kellu ma persuna taħt suspett, irrispettivament jekk kienx jaf bis-suspett jew le. Anke f’dan il-każ diffiċli li jitwemmen Silvio Valletta, żewġ Justyne, meta qal li ma kienx jaf li Yorgen Fenech kien taħt suspett, jew bil-linġwaġġ il-ġdid tal-Pulizja, persuna ta’ interess.

B’dawn il-ħbieberiji, wieħed jista’ jifhem iktar għaliex il-Pulizija mhux dejjem jaslu biex isolvu l-kazijiet, inkella jdumu biex jaslu. Huwa l-Korp kollu tal-Pulizija li jiġi kompromess b’dawn il-ħbiberiji. Anke min jimxi sewwa.

Il-problema hi waħda: min jaf x’hemm iżjed li għad ma nafux bih!

Meta wieħed iqis li Silvio Valletta kien wieħed mill-aħjar ufficjali tal-Korp tal-Pulizija, nitkexkex biss naħseb x’jistgħu jagħmlu l-oħrajn.