Il-mina bejn Malta u Għawdex: lil hinn mill-ponta ta’ mneħirna

Il-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex ser tkun mina għall-karozzi u mhux mina għan-nies. Biex din tagħmel sens ekonomiku ser ikollha tiddependi minn żieda fit-traffiku bejn il-gżejjer u għaldaqstant tikkontradixxi l-ispirtu tal-Pjan Nazzjonali għat-Trasport sas-sena 2025.

Tajjeb li niftakru li l-Pjan Nazzjonali għat-Trasport imfassal fl-2016 mill-Gvern Laburista jenfasizza li l-linja politika dwar it-transport u l-ippjanar tiegħu f’Malta baqgħet qatt ma ħares fit-tul. Dan ikkaġuna “nuqqas ta’ direzzjoni strateġika u n-nuqqas ta’ kapaċità li jkunu ndirizzati materji diffiċli, bħar-restrizzjonijiet dwar karozzi privati.”

Minflok ma jippresenta politika maħsuba biex tindirizza t-tnaqqis tal-karozzi privati mit-toroq tagħna, l-Gvern u l-aġenziji tiegħu baqgħu għaddejin b’ħidma li tkompli ssaħħaħ id-dipendenza mill-karozzi privati. Dan qed isir permezz ta’ investiment eċċessiv fl-infrastruttura tat-trasport lokali. Dan l-investiment qed isir bil-għan li jżid iżjed karozzi minn kemm filfatt jesgħu t-toroq tal-pajjiż, u dan biex jissodisfa lin-negozjanti tal-karozzi. Importanti ukoll li nirrealizzaw li ladarba l-emmissjonijiet mit-trasport jirrappreżentaw l-ikbar kontribut tagħna għaż-żieda tal-karbonju fl-arja, dawn qegħdin ixekklu l-politika dwar it-tibdil fil-klima li kull Gvern sensibbli jenħtieg isegwi. Dan minkejja li l-Gvern jiftaħar li kien minn tal-ewwel li segwa u beda jimplimenta l-konklużjonijiet tas-summit ta’ Pariġi dwar il-klima.

Fil-konferenza stampa il-Ministri Ian Borg u Justyne Caruana saħqu li l-investituri li ser jinvestu fil-mina għandhom jimmiraw lejn mina li tkun kapaċi tiffaċilita l-moviment ta’ 9,000 karozza kuljum bejn il-gżejjer. Dan ifisser illi jiġi ġġenerat livell ta’ traffiku li jlaħħaq it-tripplu ta’ dak li għandna illum, b’mod konsistenti mal-projezzjonijiet tal-istudju li għamlet id-ditta E-cubed rigward il-vijabilità ekonomika tal-proġett. Dan l-istudju kien ġie kkummissjonat minn Transport Malta u l-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ.

Il-ħlas li jkun meħtieġ li jsir għall-użu tal-mina, jiġifieri t-toll, jiddetermina kif jinġabru lura l-ispejjes biex tiġi żviluppata l-mina u biex din tibqa’ topera tul is-snin. Dan kollu jiddependi minn kemm il-mina tintuża mill-karozzi. L-esiġenza li mill-mina jgħaddi l-ikbar traffiku possibli hija l-bażi li ssejjes l-esistenza tal-mina, għax mingħajr dan it-traffiku ma jinġabrux il-flejjes li għandhom jagħmlu tajjeb għall-ispejjes u l-profitti ta’ min ser jidħol għal dan “l-investiment”. Imma dan min-naħa l-oħra jmur kontra objettiv bażiku tal-Pjan Nazzjonali għat-Trasport li bi kliem ċar jispjega li t-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq hu essenzjali jekk tassew irridu nħarsu lil hinn mill-ponta ta’ mneħirna.

L-ammont ta’ ħlas li ser jinġabar mill-utenti tal-mina ser jiddependi mill-ispiża meħtieġa biex din tiġi żviluppata u mill-ħtieġijiet tal-operat tagħha. Ir-rapporti tal-konferenza stampa li saret iktar kmieni din il-ġimgħa ma taw l-ebda indikazzjoni dwar l-istima ta’ din l-ispiża. F’dan l-istadju dan jinftiehem għax għadu ma ġie iffinalizzat l-ebda diżinn. Hemm ukoll raġuni partikolari oħra. L-informazzjoni dwar il-ġejoloġija tal-Fliegu inġabret biss dan l-aħħar u mhemm l-ebda dubju li ser ikun meħtieġ iżjed iżjed tagħrif speċifiku rigward iż-żoni problematiċi. L-istudji mistennija li jkollhom impatt kemm fuq id-disinn finali u kemm fuq l-ispiża li tirriżulta u allura fuq il-ħlas li jkun meħtieg li jintalab mill-utenti tal-mina.

Rari ħafna li proġetti bħal dawn isegwu l-istima tal-ispejjes. Pereżempju, rigward il-każ tal-mina bejn il-power station tal-Marsa u dik ta’ Delimara nafu li l-ispiża finali kienet viċin id-doppju tal-istima iniżjali u dan minħabba in-nuqqas ta’ informazzjoni ġeoloġika. Minħabba dan sfrondaw partijiet mill-mina waqt li kien għaddej ix-xogħol u kellhom isiru ħafna iżjed xogħolijiet, fosthom ċerti bidliet f’partijiet mir-rotta tal-mina nifsha!

Min-naħa l-oħra l-ispiża fuq iċ-Channel Tunnel bejn Folkestone f’Kent u Coquelles ħdejn Calais qabżet l-istima b’madwar 80 fil-mija u dan minkejja li kienu saru studji ġeoloġiċi dettaljati.

Fl-aħħar l-ispiża reali ser tkun bejn is-600 miljun u biljun euro, u din ser tiddependi mid-disinn finali u mid-diffikultajiet ġeoloġiċi li ser jaffaċċja t-tħaffir tal-mina taħt il-Fliegu.

Dejjem jekk isir, dan il-proġett ser iħalli impatti ambjentali sinifikanti, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, fosthom li qerda tal-villaġġ trogloditiku fl-Għerien, fil-limiti tal-Mellieħa.

Hemm soluzzjonijiet oħra li jistgħu jindirizzaw b’mod adegwat il-mobilità bejn il-gżejjer Maltin. Irridu nkunu kapaċi naħsbu b’mod kreattiv sabiex insibu soluzzjoni għall-problema reali tal-mobilità tan-nies, iżjed minn dik tal-karozzi. Dan jista’ jseħħ biss jekk nieħdu inizjattivi li bihom naslu ninfatmu mid-dipendenza tagħna mill-karozzi. Dment li ma naslux sa dan il-punt m’aħniex ser inkunu nistgħu nsibu soluzzjoni sostenibbli.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 12 ta’ Jannar 2020