Il-Partit Laburista hu moralment u politikament fallut

Joseph Muscat u l-Partit Laburista huma moralment u politikament falluti. Ir-responsabbiltà għas-sitwazzjoni kurrenti jrid iġorrha Joseph Muscat kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Mexxej tal-Partit Laburista. Għalhekk irreżenja. Imma anke l-Kabinett u t-tmexxija tal-Partit Laburista huma kollettivament responabbli flimkien miegħu.

Ma ħadux passi meta kellhom l-obbligu li jaġixxu, jiġifieri meta kienu ppubblikat l-Panama Papers fl-2016. Dakinhar, il-Prim Ministru messu keċċa kemm lil Konrad Mizzi kif ukoll lil Keith Schembri u sussegwentement kellhom ikunu investigati mill-Pulizija, flimkien mal-merċenerji tan-Nexia BT. Iżda ma ġara xejn minn dan!

Anke l-Partit Laburista f’dak il-mument kellu l-obbligu li jiċċensura lit-tmexxija tal-Partit talli naqas mill-jaġixxi. Minflok ma għamel hekk il-Partit Laburista, b’mod irresponsabbli, ta’ appoġġ inkundizzjonat lit-tmexxija u nhar is-26 ta’ Frar 2016 eleġġa lil Konrad Mizzi b’96.6% tal-voti validi bħala Deputat Mexxej tal-Partit. Dan kollu seħħ jumejn biss wara li kienu ppubblikati l-Panama Papers. Fi ftit ġimgħat imbagħad, kellu jirreżenja bħala riżultat ta’ pressjoni pubblika.

Għaliex jaġixxu b’dan il-mod?

It-tweġiba jagħtihielna l-eks-Ministru Leo Brincat fi kliem li ma jħallix lok għal misinterpretazzjoni. Dan meta kien qed jiġi eżaminat mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-kontroll tal-Baġit fl-2016 f’konnessjoni man-nomina tiegħu biex ikun jifforma parti mill-Qorti Ewropeja tal-Awdituri.

Meta Leo Brincat kien qed jixhed, kif mistenni, kien mistoqsi dwar il-Panama Papers. Kien ċar meta qal illi kieku kien hu, kien jirreżenja jew tal-inqas jissospendi ruħu sakemm l-affarijiet ikunu ċċarati.

Brincat, imma, qal iktar minn hekk: huwa informa lill-Kumitat Parlamentari li kien hemm mument, li kien qed jikkunsidra jirriżenja minn Ministru minħabba l-mod kif imxew l-affarijiet dwar l-iskandlu tal-Panama Papers f’Malta. Imma, żied jgħid, reġa’ bdielu u ma rriżenjax għax ma kellu l-ebda xewqa li jkun meqjus bħala eroj f’dak il-jum li jirriżenja, imbagħad wara jispiċċa fil-baħħ politiku!

Il-Membri Parlamentari Ewropej, inbagħad iffukaw fuq l-argument ċentrali: jista’ is-Sur Leo Brincat jispjega għaliex meta l-Parlament kellu quddiemu mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi, huwa kien ivvota kontriha u ta l-fiduċja lil Konrad Mizzi? Brincat emfasizza li hu qatt ma seta’ jivvota favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja għax kien marbut kif jivvota mil-Whip Parlamentari tal-partit tiegħu!

B’dik it-tweġiba, Leo Brincat kien qed jagħmilha ċara mal-Kumitat Parlamentari tal-Parlament Ewropew għall-Kontroll tal-Baġit li hu kien qed jagħmel għażla fundamentali.

Fil-mument li ġie biex jagħżel bejn il-lealtà lejn il-partit u l-lealtà lejn il-prinċipji tiegħu, il-prinċipji rmiehom il-baħar u għażel il-partit. Fil-mument deċiżiv is-solidarjetà ma’ Konrad Mizzi kellha prijorità fuq l-osservanza tal-prinċipji ta’ governanza tajba. Huwa dan li dejjaq lil numru sostanzjali ta’ membri tal-Parlament Ewropew u wassalhom biex ma jirrakkomandawx il-ħatra ta’ Leo Brincat bħala membru tal-Qorti Ewropeja tal-Awdituri, l-istess kif kienu għamlu ftit qabel bin-nomina ta’ Toni Abela. Id-dikjarazzjoni ta’ Leo Brincat lil Parlament Ewropew tfisser ħaġa waħda: li dak kollu li qal dwar il-governanza tajba ma jiswiex karlin, għax fil-mument tal-prova ċaħdu.

L-istess ħaġa għandu jingħad dwar Evarist Bartolo u l-prietka tiegħu ta’ kull fil-għodu fuq il-media soċjali. Fis-siegħa tal-prova, anke Varist, bħall-bqija tal-grupp Parlamentari (inkluż Chris Fearne, li qiegħed fuq quddiem fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit) irmew il-prinċipji tagħhom biex jippruvaw isalvaw ġildhom.

Fl-aħħar minn l-aħħar, il-Partit Laburista, bħall-Partit Nazzjonalista qablu, mhux interessat fil-governanza tajba ħlief bħala għalf għal diskors politiku. Għax il-Partit Laburista hu moralment u politikament fallut.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 29 ta’ Diċembru 2019

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s