Il-bieraħ is-sit elettroniku lovinmalta.com ippubblika l-istorja esklussiva li Yorgen Fenech ta rigal lil Joseph Muscat konsistenti f’arloġġ tad-deheb abjad Bvlgari li jifforma parti minn edizzjoni limitata li inħadmet bħala kommemorazzjoni tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja.
Hemm ħamsa u għoxrin arloġġ li huma kollha numerati. Ta’ Joseph, tgħidilna Lovinmalta għandu n-numru 17: bħas-17 Black.
Jekk din l-istorja hi minnha hi gravi ħafna.
L-ewwel nett hi bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri għax hu ipprojibit għall-Ministri tal-Kabinett li jaċċettaw dawn ir-rigali. Meta inħadem, l-arloġġ, kien stmat li jiswa’ €20,000 (għoxrin elf euro). Illum jiswa’ ħafna iktar.
It-tieni, jekk ir-rigal fil-fatt ingħata, jfisser li hemm rabta viċina bejn Joseph u Yorgen. Kemm hi viċina ma nafx. Forsi l-Ispettur Keith Arnaud jkun jista’ jeżamina l-laptop u l-mobile ta’ Joseph u (forsi) jkun jista’ jgħidilna iktar dwar kemm il-kriminalità daħlet il-ġewwa, fil-fond, fil-Berġa ta’ Kastilja.
Is-suspetti ilhom għaddejjin. Sfortunatament il-Pulizija lebsin ingwanti fini u qed jagħlqu għajnejhom.
Il-bieraħ stess tlabt lill-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler biex b’referenza għal dan ir-rigal jiftaħ investigazzjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-osservanza minnu tal-Kodiċi tal-Etika applikabbli.
Ħaġa waħda għad mhiex ċara: jekk l-arloġġ li rċieva Joseph hux falz bħaċ-ċertifikat ta’ Egrant “iffirmat” minn Jacqueline Alexander.