L-investigazzjoni li l-Pulizija qed tmexxi dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jidher li hi investgazzjoni tad-dilettanti.
Illum jidher iktar ċar għax kemm Chris Fearne kif ukoll Robert Abela diġa esprimew ruħhom negattivament kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u t-tnejn li huma jriduh iwarrab, illum qabel għada.
Fl-investigazzjonijiet tagħhom il-Pulizija riedu aċċess għall-mobile ta’ Keith Schembri, l-Kasco, ovvjament biex jaraw x’telefonati u messaġġi saru minnu u kif dawn jinkwadraw fil-bqija tal-investigazzjoni. Imma dan qallhom li kien tilfu!
Normalment meta l-Pulizija jkunu għaddejjn b’investigazzjoni ta’ kriminali “komuni” dawn il-mobiles malajr isibuhom anzi jkunu jafu ezatt fejn qegħdin għax ikunu ilhom isegwuhom!
S’issa l-mobile tal-Kasco għadu ma nstabx!
Rapporti dwar ix-xhieda tal-Pulizija fil-Qorti illum jindikaw ukoll li l-uffiċċju ta’ Keith Schembri f’Kastilja ma kienx issiġillat mill-ewwel biex ikunu ppriservati xi provi jew traċċi oħra .
Qalulna ukoll li meta l-Pulizija talbuh il-password biex jeżaminaw l-emails tiegħu Keith Schembri irrifjuta. U qiesu ma ġara xejn!
B’dawn l-iżbalji kollha fl-investigazzjoni (jekk wara kollox huma żbalji) bil-fors tistaqsi: il-Pulizija inkompetenti jew kompliċi?
Għalfejn qed jimxu bl-ingwanti ma’ Keith Schembri?