Business friendly: il-flus qabel in-nies!

Art pubblika qed tittieħed minn stabilimenti tal-ikel u x-xorb biex tkun estiża l-attività kummerċjali tagħhom fit-triq u dan bil-konsegwenza ta’ diversi problemi għar-residenti u l-komunitajiet tagħna madwar Malta.

L-aħħar każ fl-aħbarijiet hu dak ta’ Triq il-Kbira San Ġiljan li seħħ wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess biex f’żona li sal-lum kienet riżervata għall-parkeġġ jibdew jitqegħdu l-imwejjed u s-siġġijiet. Sid l-istabbiliment aġixxa hekk kif irċieva l-permess tal-ippjanar mingħajr ma qagħad jistenna għal deċiżjoni mingħand l-Awtorità tal-Artijiet dwar jekk jistax ikun aċċettabbli li art pubblika tintuża bil-mod propost.

Il-qarrejja probabbilment jiftakru li xi żmien ilu l-Awtorità tal-Artijiet kienet irrifjutat applikazzjoni simili fix-Xatt il-Gżira. F’dak il-każ partikolari appell ta’ lukanda minn deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet biex flok spazji għall-parkeġġ tal-karozzi fi triq ewlenija jitqiegħed platform u fuqu imwejjed u siġġiet kien irrifjutat. It-talba biex jitqegħdu l-imwejjed u s-siġġijiet kienet irrifjutata minħabba li kienu ser jonqsu żewġ spazji għal parkeġġ kif ukoll minħabba tħassib dwar sigurtà tan-nies.

Minkejja din id-deċiżjoni li ttieħdet iżjed minn sena ilu mit-Tribunal Amministrattiv jidher li l-Awtorità tal-Ippjanar għadha marbuta mal-interessi tan-negożji.

Ikun floku li niftakru li d-dokument bil-politika tal-ippjanar dwar it-tqegħid ta’ imwejjed u siġġijiet fi spazji pubbliċi kien imfassal minn kumitat inter-MinisterjalI li speċifikament kien eskluda l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-lokalitajiet tagħna. L-interessi tal-lokalitajiet, kemm dawk tar-residenti kif ukoll dawk tal-Kunsilli Lokali kienu kompletament injorati. Iktar minn hekk, meta l-materja kienet ikkunsidrata mill-Kabinett, mid-dehra l-Ministru tal-Kunsilli Lokali Owen Bonnici kien rieqed għax kieku bla ebda dubju kien jiġbed l-attenzjoni ta’ sħabu li l-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali, fl-artiklu 33 tistabilixxi li hi funzjoni ta’ kull Kunsilli Lokali li “ jagħti pariri lil u, li jkun ikkonsultat minn kull awtorità li tieħu xi deċiżjonijiet li direttament jew indirettament jolqtu l-Kunsilli u lir-residenti li jkunu responsabbli għalihom.”

F’kull parti tal-pajjiż, il-Kunsilli Lokali huma rrabjati dwar kif dawn ir-regoli speċifiċi tal-ippjanar ġew imfassla, approvati u implimentati b’mod li jpoġġu n-negożju u l-flus qabel in-nies.

F’dan il-każ speċifiku ta’ San Ġiljan l-ispażju pubbliku li hu propost li jittieħed hu presentment utilizzat għall-parkeġġ.

Ipprova imxi fuq il-bankina fix-xatt bejn il-Gżira u tas-Sliema u ibqa’ għaddej max-Xatt ta’ Tigne. Tkun mixja diffiċli minħabba li n-negozji għamlu l-bankina tagħhom (bil-barka tal-awtoritajiet) u dak li hu tal-pubbliku ikkapparrawh: mhux biss il-bankina imma ukoll kważi kull spazju għall-parkeġġ.

Li tipprova timxi fuq il-ftit spazju li ħallew hi diffiċli ħafna għal kulħadd imma l-iktar għar-residenti li joqgħodu fl-appartamenti fis-sulari ta’ fuq dawn in-negozji. Jiffaċċjaw kull xorta ta’ diffikulta mill-ħruġ tal-iskart, li bilkemm ħallewlhom fejn dan jitpoġġa kif ukoll anke diffikulta biex idaħħlu fi djarhom għamara ta’ kull xorta. Dan hu r-riżultat tal-politika tal-Gvern tal-lum li tpoġġi l-interessi tan-negożju qabel l-interessi tan-nies: politika business-friendly. Infrastruttura sigura u aċċessibli għan-nies hi kontinwament mogħtija l-ġenb kemm mill-Gvern kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi.

Jiena dejjem kont tal-fehma li l-Ippjanar għall-użu tal-art hu għan-nies. Sfortunatment dan ġie ttrasformat f’magna li tiffaċilita l-qliegħ tal-flus.

Għamel sew Albert Buttigieg, is-Sindku ta’ San Ġiljan, li sabbat saqajh u rreżista l-aħħar attentat tan-negozju biex bl-għajnuna tal-Awtorità tal-Ippjanar jibqa’ jħarbat il-ħajja tan-nies. Kien ukoll f’waqtu l-intervent tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava waqt il-konferenza stampa li fiha dan l-abbuż inġieb għall-attenzjoni tal-istampa fejn saret enfasi ukoll li dawn ir-regoli li jippermettu dawn l-abbużi jitwarrbu illum qabel għada.

Ilna ngħidu li wasal iż-żmien li l-Awtorità tal-Ippjanar teħtieġ li tiġi f’sensiha.

Kull żvilupp konness mal-ispazji pubbliċi fil-lokalitajiet tagħna għandu jsir biss kemm-il darba jkun hemm il-kunsens tal-Kunsilli Lokali tagħna. L-art pubblika għandha isservi l-ħtiġijiet tan-nies qabel dawk tan-negozji.

 

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 22 ta’ Diċembru 2019

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s