Il-Korruzzjoni m’għandhiex kulur

Id-dibattitu dwar il-korruzzjoni fil-gżejjer Maltin ma jispiċċa qatt. Il-korruzzjoni m’għandhiex kulur u tiddependi ħafna fuq kultura ta’ klijenteliżmu u fuq istituzzjonijiet dgħajfa jew imdgħajfa. Sfortunatament, ma teżisti l-ebda rieda politika biex dan ikun indirizzat.

Ma tidher l-ebda azzjoni ċara u konkreta li tikkorrispondi mad-diskors pubbliku u ma jaqta’ xejn dwar tolleranza żero għall-korruzzjoni.

Ir-resistenza tal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex tinfetaħ inkjesta kriminali minn maġistrat dwar l-allegazzjonijiet tal-kompliċità kriminali tagħhom in konnessjoni mal-ftehim tal-Vitals Global Healthcare dwar l-isptarijiet ma tinftiehemx. Prim Ministru b’tolleranza żero għall-korruzzjoni kien jitlob l-inkjesta hu stess. Inkella kien ikun minn ta’ quddiem biex jappoġġja t-talba li saret.

Kieku l-Partit Laburista kellu tolleranza żero għall-korruzzjoni ilu li bagħat lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri jixxejru. Il-fatt li l-mexxej Laburista Joseph Muscat ma aġixxiex b’dan il-mod ifisser li hu dispost li jagħlaq għajnejh għall-irregolaritajiet li jagħmlu ta’ madwaru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Partit Laburista b’tolleranza żero għall-korruzzjoni kien jiġbed widnejn il-mexxej tiegħu u jwissieh li jiemu magħduda jekk ma jibdilx triqtu. Il-fatt li l-Partit Laburista ma għamel xejn minn dan ifisser ħaġa waħda: li korruzzjoni hi tollerata.

Ikun għaqli jekk niftakru illi fl-istadji inizzjali tal-iskandlu magħruf bħala Panama Papers diversi membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista irreaġixxew għal dan kollu bil-bibien magħluqa.

F’April u Mejju tal-2016 kienet ħarġet l-istorja li mhux il-Partit Laburista kollu hu illuppjata dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Id-dibattitu intern, kif irrappurtat fil-medja, kien imqanqal, imma ma wassal għall-ebda azzjoni konkreta.

Il-Partit Nazzjonalista, għalkemm fl-Opposizzjoni, ma jistax ikun alternattiva għal dan għax minkejja li l-kritika tiegħu hi korretta mhuwiex kredibbli.

Il-Partit Nazzjonalista eleġġa mexxej li ftit li xejn jispira fiduċja fost il-pubbliku. Primarjament dan hu minħabba l-informazzjoni li toħroġ minn rapporti investigattivi dwaru ppubblikati minn Daphne Caruana Galizia, informazzjoni li turi kif diversi drabi ma aġixxiex b’mod korrett. Il-politku ma’ għandux il-possibilità li jagħżel meta jixgħel is-switch tal-imġieba etika. L-imġieba tal-politiku meta ma jkunx taħt il-lenti tal-opinjoni pubblika hi l-iktar indikattiva dwar x’isarraf. Il-kaz ta’ klijenti tal-uffiċju legali ta’ Adrian Delia li bbenefikaw minn dħul minn briedel f’Londra huwa eżempju prattiku ta’ dan. Meta l-informazzjoni kienet ippubblikata Delia fetaħ libell imma wara mhux biss irtirah imma ma ħa l-ebda passi alternattivi biex jisganċa ruħu minn dak li ntqal bl-iswed fuq l-abjad dwaru.

L-istess għandu jingħad dwar ix-xhieda ġuramentata tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech dwar l-iskandlu taż-żejt liema xhieda ngħatat quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. Dakinnhar Grech qal li ma kienx jiftakar jekk qatt iltaqa’ ma’ George Farrugia, il-moħħ wara l-iskandlu u li wara ngħata l-maħfra biex jikxef kollox. Il-Kap tal-PN ta’ dakinnhar, Simon Busuttil, bl-ebda mod ma rreaġixxa għal din l-imġieba. Ma ttieħdu l-ebda passi kontra Claudio Grech mill-PN f’dan il-kaz li bosta jqisuh bħala li pprova jevita li jikxef informazzjoni ta’ relevanza għal għarfien aħjar ta’ fatti tal-iskandlu.

Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ kredibilità, meta l-Opposizzjoni Parlamentari (kif kostitwita illum) titkellem, l-impatt ta’ dak li tgħid bi kritika tal-Gvern ftit hu effetttiv.

Dan nistgħu narawh ukoll fid-dawl ta’ każi ta’ governanza ħażina li jikkomunikaw messaġġ wieħed: il-PL u l-PN huma pezza waħda. Eżempju ċar ta’ dan hu l-kaz tal-involviment ta’ Mario Demarco fin-negozjati kuntrattwali tad-dB fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent legali tal-Grupp dB, meta fl-istess ħin kien Viċi Kap tal-Opposizzjoni u kelliemi għall-Finanzi. Għalkemm Mario Demarco għamel apoloġija pubblika dwar dan meta l-qiegħa kienet saħnet, il-ħsara li seħħet kienet sostanzjali. Il-messaġġ ċar li ġie kkomunikat dakinnhar kien li l-aħjar elementi tal-Opposizzjoni Parlamentari ma kinux kapaċi jiddistingwu bejn l-obbligi pubbliċi u l-interessi privati tagħhom.

Ikun opportun ukoll li niftakru fid-diversi rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar abbuż minn propjetà pubblika meta din kienet responsabbiltà politika tad-deputat Jason Azzopardi. Il-PN fl-ebda ħin ma esiġa li Azzopardi jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-frejjeġ li ħalla warajh.

Il-governanza ħażina u l-korruzzjoni huma kuġini. Waħda twassal għall-oħra. Xi minn daqqiet hemm min jitfixkel waħda mal-oħra.

Alternattiva Demokratika dejjem kienet ċara. Dejjem kellna tolleranza żero kemm għall-korruzzjoni kif ukoll għall-governanza ħażina. Sfortunatament, la l-PN u l-anqas il-PL ma jistgħu jgħidu l-istess.

ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 17 ta’ Novembru 2019