Il-Kostituzzjoni tagħna: ir-riforma meħtieġa

Hawn min iqis li l-kostituzzjoni ta’ Malta hi tajba kif inhi u li għaldaqstant, jaħseb, li ma hemm l-ebda ħtieġa li nduruha dawra sew. Kien ikun sewwa kieku din kienet is-sitwazzjoni. Imma sfortunatament l-affarijiet huma ferm differenti minn hekk. Il-kostituzzjoni teħtieġ ferm iktar minn ftit irtokki ‘l hawn u ‘l-hemm.

lkoll nafu li l-kostituzzjoni ma titħaddimx biss minn persuni ta’ rieda tajba. Nistgħu ngħidu li xi minn daqqiet din ir-rieda tajba tkun ftit skarsa f’dawk li jmexxu u f’dawk li niddependu fuqhom għat-tħaddim tal-kostituzzjoni. Xi drabi dawn ifittxu t-toqob minn fejn jgħaddu u b’hekk jagħmlu ħilithom biex jevitaw milli jwettqu dmirhom.

Ilkoll nixtiequ li dan ma kienx hekk, imma l-esperjenzi tagħna lkoll, kontinwament, juru mod ieħor. Huma esperjenzi li l-ħin kollu juru li hemm ħtieġa illi l-kostituzzjoni tkun ħafna iktar ċara milli hi illum biex tilqa’ iktar għall-kontra l-abbużi u tonqos il-possibilità tal-misinterpretazzjoni tagħha.

Malta qed tinbidel u jeħtieġ li l-kostituzzjoni tagħna tirrifletti din il-bidla. Hu meħtieġ li l-Kostituzzjoni illum tirrifletti l-valuri ta’ Malta tas-seklu 21.

Tul is-snin, Alternattiva Demokratika tkellmet dwar diversi aspetti tal-kostituzzjoni li jeħtieġ li jkunu ikkunsidrati mill-ġdid, inkella li hemm bżonn li jiżdiedu ma’ dak li tipprovdi għalihom il-kostituzzjoni attwali. Dan jeħtieġ li jsir mhux biss fid-dawl tal-esperjenzi tal-pajjiż tul is-snin imma ukoll għax il-pajjiż għaddej minn metamorfosi kontinwa.

Ewlenija fost dawn l-esperjenzi hemm ir-rwol sekondarju li fih, tul is-snin, ġie mqiegħed il-Parlament fil-konfront tal-Kabinett. Ma’ dan trid iżżid ukoll id-drawwa tal-Parlament li kontinwament jgħaddi poteri sostanzjali lill-Kabinett kif ukoll lill-Ministri individwali mingħajr l-iċken sorveljanza inkella b’sorveljanza irriżorja. Hemm ukoll il-korpi regolatorji li l-persuni li jmexxuhom mhux biss jinħatru, ġeneralment, mingħajr referenza lill-Parlament, imma li wkoll, b’mod konsistenti, ftit li xejn isir skrutinju tagħhom, la qabel ma jinħatru u wisq inqas wara.

Din kienet is-sitwazzjoni sal-emendi riċenti għall-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika liema emendi ħolqu l-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi biex ikunu skrutinati mill-Parlament xi ħatriet politiċi li jsiru minn żmien għal żmien. Minn dak li rajna s’issa, l-iskrutinju li qiegħed isir hu wieħed superfiċjali ħafna, lil hinn minn dak li hu mistenni.

Ir-rapport riċenti tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li jiffoka fuq is-saltna tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-korpi bl-inkarigu li jinfurzaw il-liġi, jiftaħ id-diskussjoni beraħ dwar kif għandhom isiru dawn il-ħatriet u dwar jekk il-Gvern u/jew il-Parlament għandux fil-fatt ikollhom xi rwol f’dan il-proċess.

Fil-fehma ta’ Alternattiva Demokratika mhux aċċettabbli li l-Parlament jibqa’ jagħti blank cheque lill-Kabinett, lill-Ministri u lill-awtoritajiet regolatorji. Il-Parlament għandu jżomm il-kontroll effettiv f’idejh: huwa l-Parlament li għandu jmexxi u mhux il-Kabinett għax, kif iħobbu jfakkruna wħud ta’ kulltant, il-Parlament hu l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Mill-Indipendenza l-pajjiż dejjem tmexxa mill-Kabinett li kontinwament ta’ struzzjonijiet lill-Parlament, li, għall-formalità, bi ftit eċċezzjonijiet, approva dawn l-istruzzjonijiet u mexa magħhom.

Dan ovvjament kien possibli minħabba l-polarizzazzjoni tal-pajjiż f’żewġ sferi politiċi li ttrasformaw dak li fuq il-karta hi demokrazija parlamentari f’sistema ta’ ċentraliżmu demokratiku, immexxija mill-Kabinett.

Spiċċajna biex flok il-Kabinett hu qaddej tal-Parlament l-affarijiet huma kważi kompletament bil-maqlub.

Din, fil-fehma ta’ Alternattiva Demokratika, hi waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex kontinwament hemm resistenza għal sistema elettorali aħjar li tagħti spażju lill-ilħna oħrajn, lil hinn mill-ilħna tradizzjonali.

Għax l-effett prattiku tad-dħul ta’ partiti politiċi addizzjonali fil-Parlament, eventwalment, ikun ifisser rifondazzjoni tad-demokrazija parlamentari bid-deċiżjonijiet jittieħdu fil-Parlament stess u l-Kabinett ikun relegat għal postu: jirrapporta lill-Parlament, jieħu l-istruzzjonijiet mingħandu u jwettaqhom!

Fi ftit kliem, dan ifisser il-ħtieġa li jkun hemm separazzjoni effettiva bejn l-eżekuttiv u l-leġislattiv, punt fundamentali meta qed nitħaddtu dwar il-kostituzzjoni ta’ demokrazija parlamentari. Din is-separazzjoni illum teżisti fuq il-karta biss.

Il-Kostituzzjoni teħtieġ li tirrifletti ukoll il-ħtieġa għal trasparenza u l-kontabilità. Dan hu meħtieġ mhux biss min-naħa tal-politiċi imma wkoll mingħand dawk kollha li jirċievu kwalunkwe delega ta’ xi forma ta’ awtorità eżekuttiva, anke l-iżjed waħda ċkejkna.

Ma’ dan kollu trid iżżid is-sistema elettorali, li teħtieġ tibdil sostanzjali. Dan hu meħtieġ prinċipalment minħabba li r-regoli kostituzzjonali dwar il-proporzjonalità huma limitati u diskriminatorji fl-applikazzjoni tagħhom.

Dawn japplikaw biss f’sitwazzjoni fejn fil-Parlament ikun hemm żewġ partiti politiċi u u allura, b’mod prattiku, japplikaw favur il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, li fassluhom favur tagħhom.

Imma l-proċess elettorali jeħtieġ li jkun eżaminat mill-ġdid ukoll, għax illum, iktar minn qatt qabel, hawn il-ħtieġa ta’ intervent leġislattiv biex ikun indirizzat in-nuqqas tal-presenza adegwata tal-ġeneri differenti fil-fora politiċi Maltin, ewlieni fosthom fil-Parlament Malti.

Pajjiżna qed jinbidel kontinwament. Kultant din il-bidla isseħħ b’ritmu kajman. Drabi oħra din issir b’għaġġla kbira, kif qed iseħħ fil-mument. Huma bidliet li l-poplu Malti qed iħaddan kontinwament.

Bidliet li żdiedu fir-ritmu hekk kif Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropea u bdiet dieħla fis-seklu wieħed u għoxrin, u b’mod iktar qawwi minn meta seħħ l-approvazzjoni tar-referendum dwar id-divorzju fl-2011.

Malta tal-lum hi differenti minn Malta tal-1964. F’numru ta’ aspetti hi wkoll Malta aħjar. Hi Malta li mxiet ‘il-quddiem u addattat ruħha ġeneralment b’suċċess għal dak li seħħ madwarha. F’dan il-proċess mifrux fuq kważi 60 sena, minn stat prattikament konfessjonali Malta żviluppat fi stat lajk b’koeżistenza ta’ valuri li jikkuntrastaw.

F’Malta illum isaltan pluraliżmu etiku. Hija din il-pluralità ta’ valuri ta’ Malta tal-lum li għandna nżommu quddiem għajnejna aħna u niddibattu dwar x’forma għandu jkollha kostituzzjoni emendata jew mibdula fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 10 ta’ Novembru 2019