Patt Ġdid Aħdar

Patt Ġdid Aħdar (Green New Deal) hi tweġiba għall-kriżijiet li qed tiffaċċja s-soċjetà tagħna. Għandu jkollu l-mira li jirrikonċila l-istil ta’ ħajjitna – kif ngħixu, kif nipproduċu u x’nikkunsmaw – mal-limiti prattiċi u fiżiċi tad-dinja madwarna.

Hu vjaġġ li jista’ jittrasforma l-ħajja f’kull settur b’riformi radikali li jorbtu katina flimkien. Bħala riżultat nistgħu ngħixu f’iktar armonija man-natura.

Matul is-sena d-dieħla għandna nisimgħu dwar in-nisġa ta’ strateġija għal Patt Ġdid Aħdar fl-Unjoni Ewropea. Ursula von der Leyen, għandha mira ambizzjuża: trid li jkollha pjan dwar dan il-Patt Ġdid Aħdar lest għad-diskussjoni fi żmien mitt jum minn meta l-Kummissjoni Ewropea l-Ġdida tibda tiffunzjona. Dan bla dubju jkollu effett fuq kull pajjiż membru tal-Unjoni. Nistennew għaldaqstant li matul is-sena jkollna l-proposti tal-Gvern Malti ukoll f’dan is-sens.

Din hi triq li l-Ħodor Ewropej ilhom imexxu l-quddiem għal bosta snin u mhix koinċidenza li din il-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-Ġdida qed tieħu sura hekk kif il-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew kiber sostanzjalment fid-daqs.

Il-Patt Ġdid Aħdar hu dwar ferm iktar mit-tibdil fil-klima. Huwa ukoll dwar il-mudell ekonomiku li hu l-kawża tad-degradazzjoni ambjentali madwarna.

Fil-kummenti tiegħu huwa u jagħlaq id-diskussjoni dwar il-Baġit, il-Prim Ministru, pereżempju, spjega li l-qalba għal karozzi tal-elettriku tfisser ferm iktar milli sempliċiment nimpurtaw il-karozzi u li niżviluppaw l-infrastruttura meħtieġa għalihom.

Tfisser ukoll t-tmiem tat-taxxi tar-reġistrazzjoni tal-karozzi kif ukoll it-taxxi li jinġabru mill-bejgħ tal-petrol u d-diżil li dwarhom l-istima għas-sena 2020 hi ta’ €157 miljun, skont l-estimi tal-Baġit li l-Ministru tal-Finanzi ppreżenta reċentement fil-Parlament. Ma’ din is-somma wieħed irid jikkunsidra ukoll it-taxxa li tinġabar mar-reġistrazzjoni tal-karozzi li għas-sena 2020 hi stmata li tlaħħaq €55 miljun kif ukoll il-liċenzji tat-triq li jitħallsu kull sena, huma stmati li jlaħħqu €85 miljun oħra fis-sena finanzjarja 2020. Dan ifisser li fis-sena 2020 €297 miljun mid-dħul tal-Gvern ser ikunu dipendenti fuq il-karozzi, prinċipalment fuq karozzi privati. Sa mill-2018 bħala inċentiv favur l-introduzzjoni ta’ karozzi bl-elettriku kienet introdotta eżenzjoni mit-taxxa tar-registrazzjoni. Dakinnhar ukoll kienet tħabbret esenzjoni ta’ ħames snin fuq il-liċenzja tat-triq għal dawn il-karozzi. L-impatt tal-elettrifikazzjoni, għaldaqstant imur lil hinn mill-klima. Hemm impatt ukoll fuq il-finanzi pubbliċi għax ikun meħtieġ identifikazzjoni ta’ sostitut għal dan in-nuqqas ta’ dħul.

Hu ċar li l-inkarigu li Frans Timmermans ingħata dwar il-Patt Ġdid Aħdar prinċipalment ser ikun iffukat dwar il-politika tal-klima u kif l-Unjoni Ewropea għandha tilħaq il-mira ta’ status carbon neutral sal-2050.

Imma hemm iktar minn hekk ukoll. Ursula von der Leyen fl-ittra tagħha tal-10 Settembru 2019 fejn tfisser l-oġġettivi li jridu jintlaħqu minn Timmermans tgħid li “għandna nħarsu b’mod iktar wiesa’, mill-enerġija li nipproduċu u nużaw, b’inkoraġġiment għal investiment mis-settur privat u appoġġ għat-teknoloġija nadifa, inkluż għat-trasport li nużaw, l-ikel li nikkunsmaw u l-ippakkeġġar li narmu.” Dan ser jinkudi ukoll responsabbiltà kemm għall-ekonomija ċirkulari kif ukoll għal dik assoċjat mal-qasam marittimu, magħrufa ukoll bħala l-ekonomija l-blu.

Ursula von der Leyen temfasizza ukoll il-mira dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju li tinsisti illi għandhom jiżdiedu ta’ l-inqas sa’ tnaqqis ta’ 50% sas-sena 2030.

Tagħmel emfasi partikolari wkoll fuq l-impatti soċjali ta’ din il-bidla billi tiffoka fuq il-ħtieġa ta’ transizzjoni ġusta prinċipalment f’dawk ir-reġjuni li huma dipendenti fuq l-industrija, fuq il-faħam, inkella fuq l-industrija tal-enerġija. Ma’ dan huwa ppjanat kemm attenzjoni dwar il-ħarsien tal-bijodiversità kif ukoll il-mira li jitrazzan kull xorta ta’ tniġġis.

Punt interessanti fl-inkarigu ta’ von der Leyen lil Timmermans huwa emfasi li l-politika ta’ tassazzjoni hi meqjusa bħala għodda essenzjali li għandha tintuża biex jintlaħqu l-miri tal-politika dwar il-klima. Dan ifisser li ser ikun hemm pressjoni sostanzjali fuq il-Gvern Malti biex jikkura l-allerġija li għandu għat-tassazzjoni, b’mod partikolari t-tassazzjoni ambjentali, għodda effettiva u importanti ħafna fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali.

Bla dubju ser nistennew il-proposti ta’ Timmermans u d-dibattitu imqanqal li ser isegwi!

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 27 ta’ Ottubru 2019

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s