L-iżbilanċ ambjentali

L-iżbilanċ ambjentali qiegħed dejjem jiżdied. Fid-diskors twil iżżejjed tiegħu meta ħabbar il-Baġit, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna dan il-fatt ma jagħtix kas tiegħu.

L-iżviluppaturi tal-propjetà, permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom l-MDA esprimaw is-sodisfazzjon tagħhom dwar Baġit li għal darba oħra aċċetta l-proposti tagħhom biex l-iskemi ta’ inċentivi dwar tnaqqis ta’ taxxi marbuta max-xiri tal-propjetà jkunu estiżi. Il-Baġit jippreżenta dawn il-proposti b’libsa ta’ proposti soċjali. Fir-realtà huma miżuri kontra l-ambjent għax għandhom impatt dirett fuq iktar żvilupp ta’ art kif ukoll fuq l-intensifikazzjoni tal-iżvilupp fiż-żoni urbani tagħna.

It-turiżmu tal-Cruise liners huwa mfaħħar fid-diskors tal-Baġit. Il-Ministru Scicluna jentużjażma ruħu ftit iżżejjed meta jħabbar fid-diskors tiegħu li l-industrija tal-cruise liners f’Malta kibret b’75% tul dawn l-aħħar sitt snin. Il-Ministru Scicluna, probabbilment mhux konxju biżżejjed li l-industrija tal-cruise liners hi kontributur mhux żgħir fil-kontaminazzjoni tal-kwalità tal-arja.

Jeżistu diversi studji dwar l-impatti ambjentali tal-cruise liners fl-ibħra internazzjonali. Il-materja kienet mistħarrġa ukoll minn għaqda ambjentali lokali bl-għajnuna ta’ għaqda ambjentali Ġermaniża. Il-kampjuni tal-arja li ħadu mill-inħawi tal-Port il-Kbir jindikaw preżenza mhux żgħira ta’ partikoli mikroskopiċi fl-arja li qed jispiċċaw fil-pulmun ta’ dawk li jgħixu, jaħdmu inkella sempliċiment jgħaddu mil-lokalitajiet madwar il-Port il-Kbir. Bla dubju l-istess ħaġa insibuha f’Birżebbuġa bħala riżultat tal-operazzjonijiet tal-Port Ħieles.

Biex dan ikun indirizzat, soluzzjoni possibli tkun l-introduzzjoni ta’ obbligu li l-vapuri jagħmlu użu minn elettriku ġġenerat fuq l-art meta dawn ikunu mal-moll. Dwar dan diġa saru studji preliminari. L-istudji, iżda, mhumiex biżżejjed. Jirrikjedu ukoll id-disponibilità għall-azzjoni – disponibilità li presentement ma teżistix. L-istudju dwar il-Port il-Kbir sar fl-2014 filwaqt li dak dwar Birżebbuġa sar fl-2018. Dwar dan kollu d-diskors tal-Baġit hu sieket.

Il-Gvern għadu ma ħabbarx id-data li minnha ‘l-quddiem mhux ser ikun possibli li jkunu impurtati f’Malta karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil. Ġejna nfurmati li din id-data tista’ titħabbar fl-2020. It-tfassil tal-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam qed tieħu fit-tul biex tieħu sura meta kien il-Prim Ministru nnifsu li ħabbarha iktar minn sentejn ilu. Ma hemm l-ebda serjetà fil-mod kif din l-istrateġija qed tkun imfassla. Il-materja mhix biss dwar li ma nimpurtawx iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil.

Tinvolvi ukoll l-interess esaġerat kurrenti fl-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol ġodda f’diversi inħawi ta’ Malta. Għax xi ħtieġa hemm għal iktar pompi tal-petrol meta d-deċiżjoni dwar l-elettrifikazzjoni tat-trasport privat qiegħed wara l-bieb? Moratorju immedjat dwar l-iżvilupp ta’ pompi tal-petrol ġodda kienet tkun deċiżjoni tajba u f’waqtha, meta hu aċċettat minn kulħadd li ma hemmx użu għalihom!

Il-Baġit, ifaħħar u jiftaħar bl-investiment massiċċ fl-infrastruttura tat-toroq. B’mod partikolari dwar mini jew fly-overs li x-xogħol dwarhom għaddej inkella qiegħed fi stadju avvanzat ta’ ippjanar.

Il-ġustifikazzjoni għal dan, minn dikjarazzjonijiet diversi li saru matul ix-xhur li għaddew, hi, biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku. Studji li saru madwar id-dinja kollha repetutament żvelaw li dawn it-tipi ta’ żviluppi fl-infrastruttura tat-toroq inevitabilment twassal għal-iktar traffiku.

Il-Minstru dan kollu jinjorah u jibqa’ jinsisti li jarmi daqstant miljuni ta’ ewro. Apparti li jgħarbel ftit l-esperjenza f’pajjiżi oħra, l-Onor. Ministru għandu jikkonsulta ruħu wkoll mal-Master-Plan għat-Trasport li tfassal taħt id-direzzjoni tal-Gvern li minnu jifforma parti u li b’mod mill-iktar ċar ifisser kif it-tnaqqis tal-karozzi privati mit-toroq tagħna hu għan essenzjali. Il-Ministru għall-Finanzi għandu jfittex li jkun jaf l-għaliex il-Gvern jitlob il-pariri u mbagħad dawn ikunu injorati.

Fl-aħħar il-Gvern irrealizza li hemm ħtieġa ta’ strateġija għal Green New Deal. Din hija strateġija li tindirizza l-impatti tat-tibdil fil-klima b’mod sostenibbli: ekonomikament, ekologikament u soċjalment. Imma biex strateġija ta’ dan ix-xorta tkun tagħmel sens, il-Gvern għandu, l-ewwel u qabel kollox iżarma l-istrateġiji li diġa għandu u li huma dijametrikament opposti għall-Green New Deal.

Ma jagħmilx sens, per eżempju, li filwaqt li l-Gvern repetutament jiddikjara ruħu favur il-ħtieġa tal-ħarsien ambjentali, imma mbagħad kontinwament joħroġ inċentivi biex jinkoraġixxi is-suq tal-propjetà. Lanqas ma jagħmel sens li jibqa’ għaddej bil-programm intensiv tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-toroq jew li jibqa’ għaddej bil-pjani dwar l-iżvilupp tal-mina bejn Malta u Għawdex li inevitabilment ser isservi biex iktar karozzi jaqsmu bejn il-gżejjer b’faċilità.

Flok l-għotjiet għax-xiri tal-batteriji għall-ħażna tal-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi kien ikun ferm aħjar kieku l-Gvern jagħti bidu għal investiment massiv biex ikun assigurat li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku titjib għax hu b’dan li jista’ jkun aċċertat illi fid-djar tagħna jkun possibli li niġġeneraw iktar elettriku mix-xemx. In-nuqqas ta’ miżuri effettivi biex tkun iġġenerata iktar enerġija minn sorsi rinovabbli juru kemm mhu veru xejn li l-Gvern hu kommess favur t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġija dwar il-Green New Deal.

Il-Ministru tal-Finanzi qed jgħaddina biż-żmien meta f’nifs wieħed jinsisti jitkellem dwar Għawdex bħala gżira ekoloġika filwaqt li jibqa’ jinsisti fuq “ħtieġa” għall-mina bejn il-gżejjer. Mina li ser taċċellera l-ħsara ambjentali fil-gżira Għawdxija.

L-iżbilanċ ambjentali qed jikber kontinwament, bla ebda kontroll ta’ xejn.

Ippubblikat fuq Illum: Il-Ħadd 20 ta’ Ottubru 2019

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s