Wara sentejn: il-moħħ wara l-bomba għadu jiġri mas-saqajn

Il-qtil b’bomba ta’ Daphne Caruana Galizia bħal-lum sentejn f’moħħ kulħadd hu assoċjat ma ritaljazzjioni għal dak li kitbet u investigat, inkluż, possibilment, dak li kienet għadha qed tinvestiga meta nqatlet bi stil Mafjuż.

Filwaqt li kien tajjeb illi l-Pulizija qabdet u tellgħet il-Qorti lil dawk li dwarhom għandha l-provi, il-moħħ wara dan il-qtil Mafjuż għadu jiġri mas-saqajn.

Fis-Sunday Times reċentement qalulna li hemm suspetti fondati dwar tlett persuni li setgħu kienu l-moħħ wara dan il-qtil: negozjant ewlieni, ieħor assoċjat mal-logħob tal-azzard u t-tielet wieħed assoċjat mal-kuntrabandu. L-ismijiet ma jissemmew imkien, avolja hemm ħafna tfesfis fil-widnejn dwar min jistgħu jkunu. It-tfesfis fil-widnejn, kif nafu, mhux dejjem ikun żbaljat!

Ħadd ma jaf jekk hux wieħed minn dawn it-tlieta, inkella jekk huwiex xi ħaddieħor il-moħħ wara dan il-qtil Mafjuż.

Il-Pulizija mid-dehra għandhom ħafna truf imma jidher li dawn s’issa ma jwasslux għall-konklużjoni raġjonevoli. Jekk dan hux minnu jew le, ħadd ma jaf għajr min għandu idu fil-borma!

Mhux kulħadd hu konvint li dan il-qtil Mafjuż ma setax ikun evitat. L-anqas ma hemm konvinzjoni li l-investigazzjoni s’issa mxiet sewwa. Imma dan diffiċli tippruvah. Għalhekk hu importanti li l-investigazzjoni li qed jinsisti dwarha l-Kunsill tal-Ewropa issir bla dewmien u li tkun immexxija minn persuni li jiggarantixxu serjeta u ġustizzja.

Sadanittant il-moħħ wara l-bomba għadu jiġri mas-saqajn.