Lil hinn mir-rapport tal-KPMG dwar l-industrija tal-kostruzzjoni

Kif mistenni, ir-rapport tal-KPMG dwar l-industrija tal-kostruzzjoni jpinġi stampa sabiħa tal-industrija. Dan minkejja li l-awturi tar-rapport jikkonċedu li l-informazzjoni fir-rapport faċli li tintuża biex biha tasal għal konklużjonijiet ferm differenti minn tagħhom.

Jiena eżaminajt ir-rapport biex nara kemm dan jitkellem dwar numru ta’ affarijiet importanti bħall-iżvilupp esaġerat (over-development), ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni, l-ambjent u l-klima. Kien ikun importanti kieku konna infurmati dwar il-veduti tal-industrija tal-kostruzzjoni dwar dawn il-materji u oħrajn. Imma ftit li xejn hemm kummenti dwarhom, skond l-awturi tar-rapport.

Ma jiena bl-ebda mod sorpriż li l-KPMG ma qalulna xejn fir-rapport dwar l-iżvilupp esaġerat jew ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni. Dan ovvjament juri, għal min għadu ma ndunax, li l-industrija la jidhrilha li hemm żvilupp esaġerat u l-anqas ma għandha ebda interess fir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni. Kif diġa spjegat f’artiklu riċenti tiegħi (Illum 22 ta’ Settembru 2019: Sħab ma min iħammeġ), l-industrija tal-kostruzzjoni ma għandha l-ebda interess li tirriċikla l-iskart li tiġġenera hi stess, meta dan ikun possibli: interessata biss li jkollha fejn tarmi l-iskart tagħha b’mod issussidjat.

Hi tħammeġ u int tħallas. KPMG jaqblu ma dan?

Fir-rapport tal-KPMG hemm żewġ referenzi ghall-ambjent. L-ewwel referenza hi dwar in-nuqqas ta’ użu ta’ materjal sensittiv ambjentalment fil-bini u jenfasizza li dan ma jsirx ħtija tal-konsumaturi li ma jinteressawhomx! It-tieni referenza hi dwar l-għaqdiet ambjentali u tisfidhom biex il-proposti li jagħmlu jkunu realistiċi!

L-awturi tar-rapport jinsistu li dawn is-suġġerimenti mhux biss għandhom ikunu realistiċi imma għandhom jirrikonoxxu li mhuwiex realistiku li twaqqaf il-kostruzzjoni u l-iżvilupp.

KPMG qed jgħixu fis-sħab għax kieku forsi kienu jirrealizzaw li l-ambjentalisti ilhom żmien twil iressqu proposti li l-gvernijiet kontinwament jinjoraw għax il-gvernijiet moħħhom biss f’kif jinkoraġixxu iktar bini a spejjes tal-kwalità tal-ħajja tagħna. Ikkunsidraw pereżempju l-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni, approvat fl-2006 imma li l-impatti tiegħu għadna inħossuhom kuljum f’kull rokna ta’ dawn il-gżejjer. Il-ħsara li saret, u li għadha qed issir, mill-Gvern id f’id mal-iżviluppaturi, hi waħda enormi. Imma, dwar dan, skiet komplet mingħand KPMG.

It-tibdil fil-klima, skont ir-rapport ta’ KPMG, qiesha ma teżistix, għax fir-rapport ma hemm l-ebda referenza għaliha. Dan ovvjament ifisser li l-industrija tal-kostruzzjoni mhiex interessata fil-materja.

M’aħniex qed nistennew lill-awturi tar-rapport ta’ KPMG jispjegawlna kif l-industrija tal-kostruzzjoni ħarbtet pajjiż bi żvilupp esaġerat u l-pretensjoni tagħhom li aħna, l-bqija, nħallsu d-djun ambjentali tagħhom. Il-ġungla tal-konkos li qed tiżviluppa madwarna qed tifgana. L-industrija tal-kostruzzjoni kontinwament trid iktar art għal żvilupp li donnu ma jintemm qatt.

L-industrija tal-kostruzzjoni hemm bżonn li tiġi f’sensiha. Ilkoll jeħtieġilna nifhmu, qabel ma jkun tard wisq, li dan il-bini li għaddej kullimkien mhux sostenibbli u li l-progress ma jitkejjilx bil-bini, bit-toroq jew bin-numru ta’ karozzi li ma jispiċċaw qatt.

Il-kwalità tal-ħajja tagħna għandha titkejjel bl-ispazji miftuħin li jipperpettulna li niskopru mill-ġdid l-egħruq naturali tagħna fil-ħajja naturali li l-urbanizzazzjoni bla limitu qed teqred ftit ftit.

L-industrija tal-kostruzzjoni hi determinata li tisfrutta dan il-mument fejn qed titħalla tagħmel prattikament dak li trid: tibqa’ għaddejja b’bini bla limitu sakemm timla kull ċentimetru possibli, inkluż il-baħar, fuq skala li jħabbatha ma Dubaj! Dik hi l-viżjoni.

Imma għada jasal għal kulħadd, mhux biss għal dawk li jridu jisfruttaw is-sitwazzjoni illum li tippermettilhom iħaxxnu bwiethom bi ħsara għall-komunità kollha. Nittama li meta jasal jibqalna l-enerġija u l-kapaċità li nsewwu l-ħsara enormi li qed issir lil kulħadd.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 6 t’Ottubru 2019

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s