Sħab ma’ min iħammeġ

Il-pjan ta’ Malta dwar l-immaniġjar tal-iskart huwa intitolat “A Resource Management Approach.” Huwa titlu li għandu sinifikat u jwassal messaġġ li kull skart jeħtieġ li nħarsu lejh bħala riżorsa li għandna nagħmlu użu tajjeb minnha.

Bdejna nirriċiklaw l-iskart li niġġeneraw. F’kontenituri mxerrda mal-pajjiż jinġabar il-plastik, il-ħġieg, il-karta u l-metall. Nhar ta’ Tlieta l-ġbir tal-iskart minn wara l-bibien ta’ djarna jiffaċilita li nirriċiklaw fid-djar tagħna. Tliet darbiet fil-ġimgħa, bieb bieb, jinġabar l-iskart organiku.

Meta ser nirriċiklaw l-iskart tal-kostruzzjoni?

Meta tara r-rapporti dwar il-laqgħa li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin kellha f’Kastilja f’nofs il-ġimgħa tirrealizza li l-emfasi kontinwament kienet li hemm bżonn iktar postijiet fejn jintrema’ l-iskart. L-ebda vuċi ma lissnet imqar kelma waħda favur kemm hu meħtieġ ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni kif ukoll dwar kemm dan jagħmel sens ekonomiku u ambjentali.

Hemm raġuni waħda sempliċi l-għala ħadd ma tniffes u lissen kelma favur ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-kostruzzjoni: għax għalfejn tħabbel rasek fuq x’tista’ tagħmel ġaladarba għandek Gvern li jimmina kull inizjattiva dwar dan billi joffri is-soluzzjoni l-faċli permezz ta’ ħlas baxx biex tkun tista’ tarmi l-iskart tiegħek?

Iktar kmieni matul il-ġimgħa kien irrappurtat li s-sidien ta’ żewġ barrieri, waħda Għar Lapsi u l-oħra fl-Imqabba, ħadu l-inizjattiva u minn jeddhom għollew il-ħlas biex jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni fil-barrieri tagħhom minn €8 għal €15 għal kull tunellata. Ir-reazzjoni għal dan kif irrappurtata fil-media hi tal-biki: il-Gvern jaqbel li joffri inċentivi biex is-sidien tal-barrieri jżommu l-prezzijiet stabbli bit-€8 kull tunellata għal tal-inqas tmintax-il xahar!

Jidher li l-Gvern għandu idea perversa tal-prinċipju ambjentali “min iħammeġ iħallas”. Flok ma jassigura li l-industrija tal-kostruzzjoni ddaħħal ftit ordni f’xogħolha u ssib soluzzjoni għall-iskart li tiġġenera, il-Gvern, b’mod irresponsabbli juża t-taxxi li jiġbor minn fuqna biex jissussidja t-tħarbit tagħhom. Huma jħammġu u aħna nħallsu.

Ir-riċiklar tal-iskart tal-kostruzzjoni jinvolvi li tissepara u ssib użu għall-ikbar ammont ta’ materjal li ma jkunx hemm użu għalih fis-sit tal-kostruzzjoni. Il-kwantità ta’ skart li tista’ tirkupra tvarja minn sit għall-ieħor imma tista’ tkun waħda sostanzjali. Tinkludi kull forma ta’ ġebel u metalli, inkluż rinforz tal-konkos minn strutturi li jkunu spiċċaw.

Uffiċjali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi kontinwament jiftaħru dwar kemm jaqblu mal-iżvilupp sostenibbli. Tant jgħidu dwar dan l-iżvilupp sostenibbli li jġibulna qalbna ġunġliena, kienu ma nafuhomx biżżejjed! Mhux aħjar jippruvaw ipoġġu fil-prattika dak li jgħidu li jemmnu fih biex jippruvaw isolvu l-problemi bl-iskart li qed jiġġeneraw u b’hekk inaqqsu l-impatti ambjentali tal-industrija tal-kostruzzjoni?

Mhuma ser jagħmlu xejn qabel ma jispiċċaw daharhom mal-ħajt u jkollhom iħallsu minn imneħirhom tal-ħsara li qed jagħmlu. L-unika soluzzjoni possibbli hi t-tassazzjoni ambjentali. Jekk tkun applikata lill-industrija tal-kostruzzjoni din tkun tfisser il-ħlas ta’ taxxa fuq il-ġebla li toħroġ mill-barriera u fl-istess ħin żieda konsiderevoli fuq il-ħlas biex jintrema l-iskart sakemm l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi tifhem li jagħmel anke sens ekonomiku u ambjentali li tirriċikla l-massimu li tista’ mill-iskart tal-kostruzzjoni.

Imma nafu li l-Gvern għandu allerġija għat-taxxi. Jippreferi jagħmel użu mis-sussidji u b’mod partikolari favur dawk li ma għandhom l-ebda dritt għalihom.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin għandha linja ċara: huma impalaw il-profitti, u inti tħallas il-kont. Jistgħu jibqgħu għaddejjin biha sakemm nibqgħu b’Ministru tal-Ambjent li m’għandux idea x’laqtu.

Kulħadd hu konxju li l-Gvern hu ħaġa waħda mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi. Sakemm l-iżviluppaturi jibqgħu jiġu ssussidjati m’hemmx ċans li l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni tibda tissolva. .

 

ippubblikat fuq Illum 22 ta’ Settembru 2019

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s