Kull qalb trid oħra

Bħalkom qrajt l-istorja dwar ir-rappurtaġġ fuq it-TV Franċiż. Dwar dawk li qalu li jiġbdu l-ispag biex jieħdu li jridu meta japplikaw biex klijenti tagħhom jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

Jidher li hemm doża qawwija ta’ ftaħir biex jimpressjonaw klijent, imma xejn ma nieħodha bi kbira li x’imkien hemm xi toqba, kbira jew żgħira. Hemm ir-regolatur li għandu l-għodda biex jinvestiga. Nifhem li għalhekk ġiet sospisa l-liċenzja temporanjament. Nistenna, ħa nara għandux il-kuraġġ jirrapporta xi ħaga!

L-istorja l-kbira imma, naħseb li mhiex dik tal-passaporti. Hi l-istorja l-oħra tan-negozjant li lmenta li ħallewh barra meta qassmu l-Bajja ta’ San Ġorg. Dan jidher li kellem lill-Ministru Cardona li wassal l-ilment lil sieħbu Konrad, il-Ministru tat-Turiżmu. Konrad ħakk rasu u qallu li l-bajja żgħira, ftit hemm post, imma ser jara x’jista’ jsir.

Sa hawnhekk xejn ġdid. Imma hemm iktar. Hu hemm fejn hu ta’ tħassib.

Ġie rrappurtat li Cardona bagħat messaġġ lil Konrad u qallu li lil din il-familja jeħtieġ li tingħata l-għajnuna għax “huma dejjem tawna l-għajnuna.”

Il-mistoqsija sempliċi hi “din, x’għajnuna hi?” Ma jidhirlix li rajt xi għajnuna finanzjarja minn din il-familja dikjarata fir-rapporti tad-donazzjonijiet. Mela allura x’tip ta’ għajnuna hi din?

Biex ma ninftiehemx ħażin mhux qed nilmenta li din il-familja tagħti għajnuna lil partit politiku. Imma qed niġbed l-attenzjoni li hemm limitu għal x’tip ta’ għajnuna tista’ tingħata. Din hi ukoll regolata bil-liġi.

Ikun tajjeb li dan ikun iċċarat. L-ebda investigazzjoni ma hi ser tasal biex tistabilixxi preċiżament x’inhu jiġri issa, imma xi darba xi ħadd jisparla u forsi jkun hemm xi indikazzjoni tan-natura tal-ġenerosità kbira ta’ din il-familja.

Għax kif qal Cardona lil Konrad kull qalb trid oħra. Anke fir-Repubblika tal-Banana.