Ġustizzja klimatika: s-sehem tagħna

L-istat attwali tal-emerġenza klimatika li qed tiżviluppa madwarna hu l-effett akkumlat ta’ snin ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Kontinwament qed inżidu ma dawn l-impatti akkumulati tant li l-projezzjonijiet tal-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) jindikaw illi l-miri tas-Summit ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima li sar fl-2015 mhumiex ser jintlaħqu bil-kbir.

L-emissjonijiet globali tal-karbonju tant żdiedu li flok ser nillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal grad u nofs Celsius fuq it-temperatura tal-era pre-industrijali, resqin lejn żieda ta’ madwar id-doppju ta’ dan sa l-aħħar tas-seklu kurrenti: ċjoe żieda ta tlett gradi Celsius.

L-istati z-żgħar li huma ġżejjer joqgħodu fihom iktar minn 65 miljun persuna. Ilu ż-żmien issa li dawn ġew meqjusa bħala l-iktar vulnerabbli minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima. Kull stat gżira qiegħed fuq quddiem nett biex ikun minn tal-ewwel biex ilaqqat dawn l-impatti, u dan minkejja li storikament, fil-parti l-kbira tagħhom dawn kienu fost l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima. Prinċipalment qed nirreferi għall-istati gżejjer żgħar li hemm fil-Paċifiku li ġeneralment mhumiex ‘il-fuq mil-livell tal-baħar. Bħala riżultat ta’ dan il-fatt dawn ser ikunu fost ta’ l-ewwel li jlaqqtu d-daqqa tal-għoli tal-livell tal-baħar, bla dubju wieħed mill-konsegwenzi ewlenin tat-tibdil fil-klima.

Meta nitkellmu dwar l-għoli fil-livell tal-baħar ma nkunux qed nitkellmu b’mod tejoretiku dwar il-futur. Fl-Oċejan Paċifiku din hi r-realtà tal-lum.

Ħarsu pereżempju lejn il-gżejjer Maldives, magħrufa għall-bajjiet ramlin bojod li ma jispiċċaw qatt u li matul l-2018 żaruhom miljun u nofs turist. Il-Maldives huma fost iktar pajjiżi ċatti fid-dinja. 80% tal-art mhiex iktar minn metru ‘l-fuq mil-livell tal-baħar.

L-ebda parti tal-gżejjer mhi iktar minn tlett metri mil-livell tal-baħar. L-istudji li saru jindikaw li sa mis-snin ħamsin il-baħar madwar il-gżejjer Maldives għola bejn 0.8 u 1.6 ta’ millimetru fis-sena. B’din ir-rata hu stmat li sa tmiem dan is-seklu 77% tal-gżejjer Maldives ikunu taħt il-livell ta’ wiċċ il-baħar.

Il-ġzejjer Maldives, ċentru turistiku rinomat, jistgħu jkunu ‘l-bogħod wisq għal uħud biex jifhmu is-sinfikat ta’ dak li qed iseħħ fil-present. Imma hi ukoll esperjenza li mhux ser iddum ma tinfirex mal-erbat irjieh tad-dinja .

It-tibdil fil-klima jeffettwa direttament lill-komunitajiet mal-kosta kif ukoll l-infrastruttura kollha żviluppata mat-tul kollu tal-kosta. Il-gżejjer kollha, waħda wara l-oħra, ser ilaqqtuha.

Malta mhix ser tkun xi eċċezzjoni. Il-gżejjer Maltin, bħall-gżejjer kollha, ser jintlaqtu sewwa minn dawn l-impatti klimatiċi.

Probabbilment li din hi r-raġuni għaliex, skond Eurobarometer, il-Maltin huma l-iktar imħassba fost l-Ewropej u jqisu it-tibdil fil-klima bħala materja ta’ serjetà kbira.

Naħseb li wasal iż-żmien li din li tidher li hi sensittività għall-impatti tat-tibdil fil-klima nittrasformawha f’azzjoni konkreta.

Nistgħu per eżempju nistabilixxu l-mira li nnaqqsu nofs il-karozzi privati li għandna llum fit-toroq tagħna fi żmien għaxar snin? Ovvjament ma jkollniex bżonn it-toroq kollha li qed jippjanaw li jibnu kieku kellna nippruvaw inwettqu mira bħal din.

Dan jista’ jsir bla wisq diffikultà meta nqiesu li nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi tagħna fil-gżejjer Maltin huma vjaġġi għal distanzi qosra (twal inqas minn ħames kilometri) u li jdumu mhux iktar minn kwarta. Li jonqos hu ftit rieda politika. Flok ma noqgħodu nistennew lil ħaddieħor, f’pajjiżi oħra ‘l-bogħod, biex jieħdu azzjoni ħalli jonqsu l-impatti fuq il-klima wasal iż-żmien li naħsbu ftit dwar dak li nistgħu nagħmlu aħna stess u ngħaddu biex nagħmluh.

Il-problema tal-gżejjer Maldives hi il-problema tagħna wkoll. Konna fost dawk li taw kontribut biex inħolqot il-problema u jeħtieg ukoll il-kontribut tagħna għas-soluzzjoni tagħha.

Din hi t-triq li twassal lejn ġustizzja klimatika.

 

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 15 ta’ Settembru 2019

Advertisements