L-emerġenza klimatika

Li niddikjaraw li l-qagħda tal-klima tnissel sens ta’ emergenza hu pass pożittiv. Li nagħrfu dan ifissser li qed titnissel kuxjenza illi ma baqax wisq żmien biex nieħdu l-passi li hemm bżonn.

Ir-Renju Unit, ir- Republika tal-Irlanda, Franza, il-Kanada, l-Awstrija u l-Argentina flimkien ma bosta bliet u awtoritajiet lokali madwar id-dinja, iddikjaraw li għandna Emergenza Klimatika. Dawn jinkludu lil New York u San Francisco fl-Istati Uniti, Sydney u Melbourne fl-Awstralja, Pariġi u Mulhouse fi Franza, Seville, Zaragoza, ir-reġjun tal-Catalonia u l-Gżejjer Canary fi Spanja, Milan, Napli u Lucca fl-Italja, Basel-Stadt fl-Isvizzera, Bonn, Cologne u Düsseldorf fil-Ġermanja, Auckland u Wellington fi New Zealand, Amsterdam fl-Olanda, Varsavja u Krakow fil-Polonja, u Bacolod fil-Filippini.

Id-dikjarazzjoni dwar l-emerġenza klimatika, li kienet waħda mit-talbiet tal-grupp ta’ attivisti ambjentali Extinction Rebellion, kienet bla dubju pass importanti, imma hu ferm iktar importanti dak li jrid isegwi din id-dikjarazzjoni. Jekk il-kliem tad-dikjarazzjoni ma jkunux tradotti f’azzjoni, id-dikjarazzjoni l-anqas biss tiswa’ l-karta li hi stampata fuqha!

Il-punt bażiku li jista’ joħroġ mid-dikjarazzjoni tal-emerġenza klimatika hu l-għarfien li l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima għandha tkun prijorità politika. KuIl Gvern għandu jagħti kaz ta’ dan fil-ħidma kollha tiegħu.

L-aħħar rapport tal-IPCC (Intergovernmental Panel on Climate Change) ippubblikat fl-2018 jagħmel enfasi li minkejja l-wegħdiet mill-komunità internazzjonali fis-Summit ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, it-temperatura globali tidher li ser taqbeż bid-doppju l-massimu li nagħtajna parir li m’għandux jinqabeż: mexjin lejn żieda ta’ 3 gradi Celsius iktar mit-temperatura pre-industrijali . Din iż-żieda astronomika antiċipata hi l-kawża tal-emergenza. L-impatt kumulattiv tal-azzjoni dwar il-klima madwar id-dinja s’issa jindika li l-miri minimi mhux ser jintlaħqu.

Bħala riżultat tat-tibdil fil-klima partijiet mid-dinja, gradwalment, mhux ser jibqgħu abitabbli: zieda fit-temperatura, intensifikazzjoni tal-maltempati, nixfa banda u għargħar band’oħra. Dan kollu ser iħarbat il-ħajja kif nafuha sal-lum.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-European Environment Agency (EEA) ippubblikat rapport qasir intitolat Climate Change Threatens the Future of Farming in Europe fejn kien enfasizzat li t-temperatura fin-Nofsinnhar tal-Ewropa ser togħla tant li sal-2050, mir-raba’ jista’ jkun li  l-prodotti li nieħdu jonqsu bin-nofs. Fl-istess ħin iż-żieda fit-temperatura fit-Tramuntana tal-Ewropa ser tagħmel dik iż-żona iktar addattata għall-agrikultura.

B’mod partikulari, emfasizza Euractive, l-vitikultura fir-reġjuni madwar il-Mediterran li huma storikament marbutin mal-inbid tonqos sostanzjalment bħala riżultat tas-sħana eċċessiva li qed tiżviluppa.

Din hi l-emerġenza rejali. Minkejja kollox baqa’ ftit taż-żmien biex dan inkunu nistgħu nindirizzawh. Jeħtieġilna imma illi nieħdu iktar ażżjoni bis-serjetà biex nindirizzaw il-kawżi tat-tibdil fil-klima. Qed ngħixu stil ta’ ħajja insostenibbli li jagħti l-impressjoni li għada mhux ser jasla.

M’għandniex bżonn wisq iżjed rapporti. Nafu x’qed jikkawża t-tibdil fil-klima imma ma hemmx biżżejjed rieda politika għal azzjoni. Li nipposponu l-problema f’ħoġor il-futur mhi ser isolvi xejn għax anke għada jista’ jkun tard wisq.

Huwa għal dan l-iskop li jinħtieġ li nirrikonoxxu l-fatt li qegħdin fi kriżi klimatika: hemm ħtieġa li niffukaw l-azzjoni tagħna u nikkommettu ruħna li l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima hi prijorità.

Li neliminaw iż-żieda fil-produzzjoni tal-karbonju (carbon neutrality) fl-iqsar żmien possibli għandu jkun il-mira ta’ kull Gvern. Dan jintlaħaq billi tittieħed azzjoni f’kull qasam, b’mod partikolari fejn jistgħu jinkisbu riżultati b’mod immedjat.

Huwa għal dan l-iskop li Alternattiva Demokratika issa ilna żmien niffukaw fuq il-qasam tat-Trasport bħala s-settur ovvju li jista’ jagħti kontribut sostanzjali għall-isforz ta’ Malta biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima. Minħabba d-distanzi żgħar bejn l-ibliet u l-irħula tagħna, hu iktar faċli minn f’pajjiżi oħra li jkollna mobilità sostenibbli mingħajr l-użu ta’ karozzi privati li jħammġu bl-użu tal-petrol u d-diżil. Ilkoll nirrabjaw li qed jintużaw wisq il-karozzi u li l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ transport mhux inkoraġġiti biżżejjed.

Il-Pjan Nazzjonali tat-Trasport jenfasizza dan kollu meta jiġbdilna l-attenzjoni tagħna li iktar minn nofs il-vjaġġi li nagħmlu bil-karozzi privati jdumu inqas minn kwarta u huma għal distanzi li ma jaqbżux il- ħames kilometri.

Flok ir-retorika dwar il-klima għandna bżonn azzjoni konkreta. B’hekk biss nindirizzaw l-emerġenza.

 

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2019

Advertisements