Turiżmu li jagħti kas lin-nies

Id-dibattitu dwar l-impatti tat-turiżmu hu wieħed li ma jispiċċa qatt. X’impatti soċjali u ambjentali huma ġustifikabbli minħabba l-gwadann ekonomiku tat-turiżmu? Ir-riżorsi tal-pajjiż, fi ftit kliem x’numru ta’ turisti jifilħu?

Iktar kmieni din il-ġimgħa, Tony Zahra, President tal-MHRA (l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti) kien kritiku dwar in-numru ta’ turisti u l-impatt tagħhom. Kien rappurtat li qal li n-numru ta’ turisti li qed jiġu Malta kien qed jikber wisq. Emfasizza li l-pajjiż ma jiflaħx għall-impatti li jiġġeneraw daqshekk turisti. L-interess ta’ Tony Zahra fit-turiżmu dejjem kien limitat għall-impatt fuq dawk li joperaw il-lukandi: fejn Zahra għandu l-interessi finanzjarji tiegħu. Għadni qatt ma smajt lill- MHRA u lil Tony Zahra, per eżempju, jinkoraġixxu l-agri-turiżmu, u l-importanza ta’ dan (kieku jsir sewwa) biex jiddiversifika b’mod sostenibbli l-prodott turistiku Malti.

Kważi simultanjament għall-kummenti ta’ Tony Zahra, l-Istitut tal-Università ta’ Malta dwar il-Gżejjer u l-Istati Żgħar (The Islands and Small States Institute) ippubblika studju tal-Professuri Lino Briguglio u Marie Avellino, intitolat : Has overtourism reached the Maltese Islands?

Fl-istudju tagħhom, Briguglio u Avellino jagħtu daqqa t’għajn u jidentifikaw dak li għaddej fit-turiżmu u jidentifikaw l-argumenti kritiċi li qed ikunu żviluppati dwar il-materja. Turiżmu li qed jikber iżżejjed (overtourism) u l-biża’ mit-turiżmu (tourismphobia) huma termini li qed jintużaw bi frekwenza li qed tiżdied biex jiddeskrivu l-impatti soċjali negativi li qed jiżviluppaw bħala riżultat ta’ turiżmu li qed jikber kważi bla rażan. Kien fl-2008 li l-antropologu Katalan Manoel Delgado ddeskriva it- turistofobia bħala taħlita ta’ stmerrija, nuqqas ta’ fiduċja u tmaqdir tat-turiżmu.

Fl-istudju ta’ Briguglio u Avellino hu analizzat stħarriġ li għalih, 51% ta’ dawk li wieġbu qalu illi ma jixtiqux jaraw iktar turisti fil-belt jew raħal tagħhom. L-awturi jinterpretaw dan bħala li jindika li t-turiżmu f’Malta kiber wisq (overtourism), avolja jqisu li l-kampjun ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ hu ftit dgħajjef minħabba li mhux rappresentattiv b’mod adegwat.

Fost l-affarijiet li qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ din il-biża mit-turiżmu hemm il-pressjonijiet soċjali u l-impatti ambjentali (kemm skart b’mod ġenerali kif ukoll il-kontribut għal attività esaġerata tal-industrija tal-kostruzzjoni), konġestjoni tat-traffiku, storbju, it-theddida tat-telf tal-identità kulturali u konflitti soċjo-kulturali.

L-MHRA, kif indika Tony Zahra, tidher li hi tal-istess fehma, avolja Zahra tkellem b’mod ġenerali u evita li jitkellem fid-dettall. L-interess tiegħu, wara kollox, hu l-impatt fuq il-but tal-membri tal-MHRA.

L-istudju ta’ Briguglio u Avellino jemfasizza l-ħtieġa li l-politika dwar it-turiżmu għandha tfittex li tindirizza l-impatti negattivi tal-industrija. Dan mhux biss biex tkun indirizzat il-kwalità tal-ħajja tar-residenti lokali imma ukoll biex l-esperjenza tat-turist tkun waħda aħjar u awtentika. It-triq ‘il-quddiem, jgħidulna Briguglio u Avellino, hi d-demokratizzazzjoni tal-iżvilupp turistiku u dan billi jkun inkoraġġit l-impenn tar-residenti milquta fil-komunitajiet tagħna. L-awturi ma jidħlux f’dettall biex jispjegaw dan kollu x’jista’ jfisser. Għandna nifhmu, iżda, li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-iżvilupp tat-turiżmu għandhom ikunu soġġetti għal skrutinju pubbliku kontinwu. Dan m’għandux ifisser biss is-sehem tar-residenti milquta f’dan l-iskrutinju imma fuq kollox li dak li jgħidu jkun rifless fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Permezz tad-demokratizzazzjoni tal-iżvilupp turistiku, hu iktar possibli li l-interessi u aġendi konfliġġenti fit-turiżmu jkunu indirizzati. Bħala riżultat ta’ dan, l-imprenditur li jħares lejn il-qliegħ immedjat ikollu jiffaċċja r-realtajiet soċjali u l-impatti ambjentali u kulturali tal-ħidma tiegħu. Bħalissa l-operaturi turistiċi jimpalaw il-profitti u aħna, l-bqija, ndewwu l-feriti soċjali, kulturali u ambjentali li jkunu ħolqu b’ħidmiethom.

It-turiżmu mhiex attività li issir f’bozza. Isseħħ f’komunità magħmula min-nies li għandhom ikollhom l-assigurazzjonijiet kollha neċessarji li l-kwalità tal-ħajja tagħhom mhux ser taqla’ daqqa l-isfel bħala riżultat. It-turiżmu mhux dwar numri ta’ turisti, miljuni ta’ ewro li jintefqu inkella dwar il-kontribut lejn il-Prodott Gross Nazzjonali. Hu ukoll dwar il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.

It-turiżmu sostenibbli huwa primarjament dwar in-nies u mhux dwar il-profitt. Stennejna iktar minn biżżejjed biex dawk li huma effettwati jkunu assigurati li l-ħajja tagħhom ma tibqax imtappna minn dawk li jaraw biss il-flus. Biex dan iseħħ ma hemm l-ebda alternattiva għajr li l-iżvilupp turistiku jkun demokratizzat.

 

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 11 t’Awwissu 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s