Il-proġett Central Link: riżultat ta’ inkompetenza

Ilkoll naqblu li l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna hi problema kbira.

Imma hi sfortuna kbira li dawk responsabbli biex jimplimentaw il-politika dwar it-trasport qieshom mhumiex konxji li meta qed japprovaw il-proġett Central Link qed jinjoraw il-kawża tal-problema u minflok qed jikkonċentraw fuq l-effetti. Il-konġestjoni tat-toroq tagħna mhix ikkawżata mit-tul jew mill-wisa’ tat-toroq imma min-numru ta’ karozzi li jagħmlu użu minnhom.

It-toroq tagħna ma jesgħux iktar karozzi li żdiedu b’mod sproporzjonat għad-daqs u l-ħtiġijiet ta’ dawn il-gżejjer.

Id-dibattitu fuq il-proġett Central Link iffoka fuq ħafna materji importanti: l-kwalità tal-arja, l-ħarsien tal-agrikultura, l-ħarsien tas-siġar, l-passaġġi riżervati għar-roti, imma li lkoll kemm huma għandhom importanza marġinali għas-soluzzjoni tal-problema reali tal-konġestjoni tat-traffiku. Il-kawża tal-problema mhix id-daqs tat-toroq imma n-numru tal-karozzi li jagħmlu użu minnhom u li sirna dipendenti wisq fuqhom.

Il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport fih referenza għall-analiżi bażika li tindika x’qed jikkawża l-problemi tagħna: s’issa ma konniex kapaċi nħarsu fit-tul fl-ippjanar tat-trasport. Jiġifieri aħna nfittxu l-benefiċċji mmedjati u ninjoraw l-impatti fit-tul.
B’mod speċifiku taħt it-titlu “Intejbu l-ippjanar u d-diżinn għat-traport integrat u li jħares fit-tul” il-Pjan Nazzjonali għat-Trasport jgħid hekk: “……….. nistgħu naraw, mill-esperjenza, li l-politika u l-ippjanar tat-trasport f’Malta ġeneralment ħares lejn l-immedjat ( 4 sa 5 snin). In-nuqqas li tingħata importanza lejn l-ippjanar fit-tul ifisser li ma hemm l-ebda pjan integrat ibbażat fuq analiżi solida, b’miri ċari li jħarsu fit-tul. Dan wassal għal nuqqas ta’ direzzjonji strateġika u n-nuqqas ta’ kapaċità li jkunu indirizzati materji diffiċli bħall-kontroll fuq l-użu ta’ karozzi privati. Is-soċjetà Maltija bil-mod biex tiċċaqlaq, u dan f’kuntrast mal-ħtieġa għal azzjoni biex il-problema tat-traffiku tkun indirizzata kemm illum kif ukoll fil-futur. Dan iwassal biex il-vjaġġatur Malti jistenna li kulħadd jibdel id-drawwiet tiegħu ħalli hu jkun jista’ jibqa’ jsuq il-karozza. ” (sezzjoni 2.2.1 tal-Pjan Nazzjonali tat-Transport)

L-affarijiet ma jistgħux ikunu iktar ċari minn hekk. Il-problema hi waħda: d-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. Toroq li jkunu usa’ jew itwal jistgħu jsolvu l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku għal żmien limitat. Imma kif ġie repetutament ippruvat minn studji li saru f’diversi pajjiżi oħra, l-interventi fl-infrastruttura tat-toroq, fl-aħħar jispiċċaw biex iżidu l-konġestjoni tat-traffiku, u dan għax iżidu it-traffiku.

Min-naħa l-oħra, il-proċess biex jitnaqqas id-dipendenza fuq il-karozza jieħu l-ħin, u l-votanti mhux ser jieħdu ġost!

Sfortunatament, uħud mill-dawk li kienu kritiċi tal-proġett iffukaw fuq id-dettalji u ma ħarsux lejn il-proġett fih innifsu, fit-totalità tiegħu, u allura ma rnexxilhomx japprezzaw kemm hi kbira l-ħsara li ser jagħmel il-proġett fit-totalità tiegħu.

Dan il-proġett m’għandniex bżonnu. Neħtieġu li niffukaw fuq il-problema li ġiet evitata kontinwament għax il-politiċi fil-Parlament u fil-Gvern ma jridux jieħdu deċiżjonijiet li m’humiex popolari. Għal din ir-raġuni iroxxu l-flus u jonfquhom, taparsi qed isolvu l-problemi. Mhux flushom, ovvjament, imma dak li jiġbru mit-taxxi minn fuqna. Il-problemi tal-lum, b’hekk, ikunu trasferiti f’ħoġor il-ġenerazzjonjiet futuri.

Is-soluzzjoni meħtieġa ma tinvolvix ħafna xogħol infrastrutturali imma prinċipalment inizjattivi politiċi biex jinkoraġixxu l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ mobilità u dan flimkien ma inizjattivi li jippenalizzaw l-użu tal-karozzi privati.

Biex inkun ġust fil-kritika tiegħi ngħid li xi inizjattivi ittieħdu diġà u oħrajn bla dubju jitwettqu ukoll. Żdied sostanzjalment is-sussidju għat-trasport pubbliku. Ittieħdu inizjattivi diversi dwar aċċess b’xejn għat-trasport pubbliku lil diversi kategoriji u eventwalment hu ippjanat li dan ikun b’xejn għal kulħadd. Dan kollu tajjeb, iżda mhux biżżejjed. Flimkien ma dawn il-miżuri u bosta oħrajn hemm bżonn inizjattivi li jippenalizzaw l-użu tal-karozzi privati. Dawn jistgħu jinkludu żieda fit-taxxi applikabbli kemm għar-reġistrazzjoni tal-karozzi kif ukoll għall-liċenzji. Dan iwassal għal tnaqqis fin-numru tal-karozzi fit-toroq.

It-taxxi ambjentali jagħmlu l-ġid. Huma l-għodda politika li jekk użati tajjeb jgħinu biex tissolva l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku illum.

Għax il-konġestjoni tat-traffiku hu l-prezz li l-ġenerazzjoni tal-lum qed tħallas għall-inkompetenza akkumulata tal-gvernijiet differenti fl-amministrazzjoni tal-politika tat-trasport. Sal-lum ġie evitat li jkunu ndirizzati l-problemi reali. Fir-realtà ma hemmx soluzzjonjijiet maġiċi: irridu naffrontaw il-problema. Sakemm nagħmlu hekk, il-problema tikber tista’.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 21 ta’ Lulju 2019

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s