Pajjiż storbjuż

Malta hu pajjiż storbjuż iżżejjed. It-tniġġiż minn storbju esaġerat jeħtieġ li jkun indirizzat b’mod urġenti minħabba li dan għandu impatt mhux żgħir fuq is-saħħa tagħna lkoll. Il-problema tal-istorbju f’dan il-pajjiż hi waħda kontinwa, imma din tiżdied sostanzjalment matul ix-xhur tas-sajf minħabba li jkun hawn żieda ta’ attivitajiet ta’ divertiment li jsiru fl-apert.

Mhiex problema li qiegħda f’xi lokalità waħda partikolari. Hi fil-fatt mifruxa mal-pajjiż kollu.

Meta storbju esaġerat ikun iġġenerat minn ġo post mibni, permezz ta’ teknoloġija eżistenti, jekk din tkun użata sewwa, hu possibli li l-impatti jkunu mnaqqsa. Imma meta l-istorbju jkun iġġenerat fl-apert, is-soluzzjoni hi waħda: elimina is-sors f’dawk il-ħinijiet li joħloq inkonvenjent kif ukoll li permezz tal-permessi maħruġa jkun determinat limitu permissibli imma raġjonevoli ta’ kemm jista’ jsir storbju. Biex dan iseħħ, imma, jeħtieġ qafas regolatorju kif ukoll it-taħriġ sewwa ta’ dawk li jkunu meħtieġa li jintervjenu biex iwaqqfu l-eċċess tal-istorbju ġġenerat meta l-limitu stabilit jinqabeż jew ma jkunx osservat.

Sfortunatament dan il-qafas regolatorju ma jeżistix f’pajjiżna. Agħar minn hekk, il-Pulizija, li toħroġ il-permessi għall-attivitajiet ta’ divertiment li jsiru fl-apert, ma għandha l-ebda sensittività għal dan kollu. Meta taġixxi dwar l-ilmenti li tirċievi tagħmel dan bl-iżjed mod kajman possibli.

Madwar tliet snin ilu residenti tal-Isla kienu qed jilmentaw li l-ħidma tat-Tarżna ta’ Palumbo, b’mod partikolari matul il-lejl, kienet ta’ inkonvenjent kbir għalihom u ma kienitx qed tħallihom jistrieħu. Anna Spiteri, ambjentalista residenti fl-Isla, kienet, għan-nom tar-residenti, marret il-Qorti dwar dan. Ilkoll niftakru kif dakinnhar kien ħareġ ċar li l-Korp tal-Pulizija la hu mħarreġ u lanqas għandu l-għodda teknika biex ikun jista’ jaġixxi f’dawn iċ-ċirkustanzi. Minn dakinnhar lil hawn, jiena infurmat li t-Tarżna ta’ Palumbo ħadet passi biex l-istorbju ġġenerat bi nhar ikun indirizzat b’ilqugħ kif ukoll qed tevita xogħol li jiġġenera l-istorbu billejl!

Issa, fil-bidu tas-sajf ir-residenti tal-Isla huma għal darba oħra ibbumbardjati bil-ħsejjes ta’ mużika qawwija minn attivitajiet ta’ divertiment li jkunu organizzati f’ Sant Anġlu kważi f’kull tmiem il-ġimgħa. Dan apparti l-istobju minn opri tal-baħar mikrija jduru mal-port billejl u li flimkien ma’ bosta attivitajiet storbjużi oħra għaddejjin kontinwament. Kollha suppost li bil-permess!

Allura ir-residenti tal-Isla (u oħrajn) għandhom ta’ bil-fors jerġgħu jgħaddu mill-battikata li ħadu ma ta’ Palumbo biex jassiguraw l-osservanza tal-liġi u li huma jkunu mħarsa?
Mid-dehra l-Pulizija fl-inħawi ma tgħallmu xejn mill-ilmenti dwar Palumbo u dan għax l-ilmenti dwar storbju minn mużika li qed toriġina minn attività ta’ divertiment billejl dieħlin il-ħin kollu. Il-Pulizija mhix konxja li lkoll kemm aħna għandna dritt li nistrieħu matul il-lejl. Dawk li jagħżlu li ma jistriħux u jibqgħu attivi matul il-ħin tal-mistrieħ għandhom l-obbligu li ma jiddisturbawx lill-bqija!

Dan mhux qed iseħħ biss madwar il-Port il-Kbir. Residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u Ħ’Attard, kontinwament jilmentaw ukoll, l-iktar matul is-sajf, dwar storbju matul il-lejl minn stabilimenti tad-divertiment fiż-żona. Storbju li jtellef il-mistrieh u hu ta’ inkonvenjent kbir. Ħadd mhu jagħti każ.

Xi snin ilu saru regolamenti li jipprojibixxu xogħol ta’ kostruzzjoni kmieni fil-għodu (qabel is- 7 am) inkella tard fil-għaxija (wara t-8 pm) jew fil-Ħdud u l-festi. Anke dawn ir-regolamenti ċari mhux osservati sewwa u dan billi bosta xogħol ta’ kostruzzjoni jsir f’dawn il-ħinijiet. Il-Pulizija bosta drabi ma jagħmlu xejn. Inkella jdumu ma jiċċaqalqu meta tinġibed l-attenzjoni tagħhom.

Probabbli ħafna li l-awtoritajiet għandhom risposta għal dan kollu: il-materja qed tiġi studjata. Ilhom jistudjaw għal żmien twil, imma s’issa jidher li għadhom ma tgħallmu xejn!

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 30 ta’ Ġunju 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s