Kunflitt ta’interess fl-Awtorità tal-Ippjanar

Il-validità tal-permess tal-ippjanar dwar il-proġett tad-dB f’Pembroke ġie ikkontestat fuq bażi ta’ tmintax-il raġuni differenti, li jvarjaw minn kunflitt ta’ interess sa miżinterpretazzjoni u/jew applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-ippjanar għall-użu tal-art.

F’dan l-istadju, l-Qorti hi hu tħassar il-permess dehrilha li ma kienx neċessarju li tidħol fid-dettall dwar kull waħda minn minn dawn it-tminatax-il raġuni: waqfet fl-ewwel waħda, il-kunflitt ta’ interess tal-membru tal-Bord tal-Ippjanar Matthew Pace u l-interess tiegħu f’aġenzija li ġġib il-quddiem il-negozju tal-propjetà. Żewġ interessi li b’mod ovvju, għal kulħadd ħlief għal Pace, l-Awtorità u l-Gvern, ġie meqjus li huma konfliġġenti. L-aġenzija li fiha Matthew Pace għandu interess kienet diġa qed tirreklama l-bejgħ tal-appartamenti sa minn qabel mal-permess tal-ippjanar ġie approvat, bil-vot tiegħu stess favur l-applikazzjoni.

Il-Qorti użat il-frażijiet “kunflitt ta’ interess” u “nuqqas ta’ trasparenza”. Fl-aħħar mill-aħħar, imma, b’Malti sempliċi u li jinftiehem mill-ewwel dan hu kaz ta’ regħba da parti tal-membru tal-Awtorità tal-Ippjanar li hu nvolut kif ukoll inkompetenza grassa da parti ta’ dawk li ħatruh fuq l-Awtorità tal-Ippjanar meta l-interessi tiegħu kienu diġà magħrufa.

Ilkoll nafu li l-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jinħatru direttament mill-Prim Ministru, u allura ma nistgħux inkunu iktar ċari minn hekk: huwa u jaħtar lil Matthew Pace bħala membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Prim Ministru naqas milli jifhem il-konsegwenzi tal-ħatra ta’ agent tal-propjetà fuq il-bord li jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-użu tal-art.

Nhar it-Tlieta, l-Qorti annullat deċiżjoni waħda tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li fiha ipparteċipa Matthew Pace. Kemm ilu li nħatar fuq il-Bord, sa mill-2013, Matthew Pace, ħa sehem f’numru sostanzjali ta’ deċiżjonijiet oħra li ttieħdu mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-mistoqsija loġika hi dwar il-każi l-oħra li dwarhom ukoll kellu interess u li anke hawn dan l-interess ma ġiex iddikjarat. In-numru ta’ każi kontroversjali deċiżi mhux żgħir imma din il-mistoqsija qatt ma saret s’issa, ta’ l-inqas fil-pubbliku.

Il-każ, kif emfasizzat il-Qorti, hu wieħed li jiffoka fuq l-imġieba ta’ dawk li jokkupaw ħatra pubblika.

Il-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għandhom l-obbligu li jissottomettu dikjarazzjioni annwali dwar l-assi u l-interessi tagħhom. Ikun ferm interessanti kieku l-pubbliku jkollu informazzjoni preċiża dwar x’sar mid-dikjarazzjonijiet tal-membri kurrenti tal-Bord. Is-Segretarju tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, huwa u jixhed quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qal li dawn id-dikjarazzjonijiet ma setgħux jintbagħtu, kif suppost, lill-Awditur Ġenerali, għax dawn ma ġewx aċċettati min-naħa tiegħu. Imma, jirriżulta minn tweġibiet elettroniċi tal-Awditur Ġenerali, li wkoll ġew ippreżentati bħala xhieda, li dan mhux il-kaz: l-Awditur Ġenerali qatt ma irrifjuta li jaċċetta dawn id-dikjarazzjonijiet dwar l-assi u l-interessi tal-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Minn dan kollu jqum il-punt dwar kemm huma effettivi l-kontrolli stabiliti mil-liġi dwar il-posizzjoni etika ta’ dawk maħtura bħala membri tal-Bord. Id-dikjarazzjoni tal-assi u l-interessi, sal-lum meqjusa bħala għodda importanti qiesha saret ta’ bla ebda siwi u dan minħabba li wara li ġiet sottomessa ma kienitx eżaminata mill-Awditur Ġenerali. Dan iħarbat il-proċess kollu ta’ kontroll, għax hu ovvju li l-Awditur Ġenerali ġie ostakolat milli jeżamina d-dikjarazzjonijiet li saru u għaldaqstant ma setax jiġbed l-attenzjoni għall-konflitti ovvji li jirriżultaw meta taħtar agent tal-propjetà biex jiddeċiedi fuq materji dwar l-ippjanar għall-użu tal-art.

Nittama li l-Awditur Ġenerali, anke issa, jipprova jirrimedja billi jeżamina d-dikjarazzjonijiet li saru ħalli l-kontrolli jkunu applikati sakemm u safejn hu umanament possibli.

L-ippjanar għall-użu tal-art hu diġa, minnu innifsu, kontroversjali, għax kważi dejjem jinvolvi numru mhux żgħir ta’ interessi konfliġġenti. Tal-inqas għandna nassiguraw li dawk maħtura biex jiddeċiedu jimxu bir-reqqa.

 

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 23 ta’Ġunju 2019