Kaxxa tal-ittri

Uħud mill-awtoritajiet li jikkonċernaw l-industrija tal-bini draw jiffunzjonaw qieshom kaxxa tal-ittri, letter-box: jirċievu ittri u dokumenti mingħajr (ġeneralment) ma jieħdu passi dwarhom. Tant huma passivi li rrendew lilhom infushom ineffettivi.

Disa’ xhur ilu, propju minħabba dan il-fatt, il-Gvern ippubblika dokument konsultattiv bl-intenzjoni speċifka li jikkonsolida f’awtorità waħda r-Regolatur dwar il-bini u l-kostruzzjoni, l-entitajiet regolatorji eżistenti u ċioè l-l-BICC (Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini), l-BRO (l-Uffiċċju dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Bini), the BRB (l-Bord li Jirregola l-Bini) u l-Bord tal-Bennejja. Proposta li bla dubju ilha tinħass li hi neċessarja!

Il-frammentazzjoni kurrenti tal-funzjonijiet regolatorji fuq l-industrija tal-kostruzzjoni wasslet biex dawn saru ineffettivi. Bħala riżultat ta’ dan, l-ilmenti kontinwi tar-residenti dwar kif l-industrija tal-kostruzzjoni qed tħarbtilhom ħajjithom ġew ġeneralment injorati. Bosta drabi huma l-awtoritajiet infushom li ma jagħtux kaz tal-ilmenti li huma rifless ta’ ambjent urban ikkontaminat u li qiegħed jirriżulta mill-iżvilupp intensiv fiz-zoni residenzjali.

Il-kollass ta’ tlett binjiet, tnejn minnhom din il-ġimgħa stess, in konnessjoni ma skavar fuq siti ta’ kostruzzjoni bla dubju jnissel tħassib kbir. Imma ħadd ma għandu jkun sorpriż li ġraw. Fortunatament din id-darba ma miet ħadd!

Mhux l-ewwel darba li ġraw dawn l-inċidenti: drabi oħra mietu ukoll in-nies! Li dawn l-inċidenti ma jiġrux iktar spiss hu riżultat ta’ professjonisti dedikati li jagħmlu ħilithom biex jegħlbu l-problemi li jiffaċċjaw kontinwament. Ċertament li f’dan ma għandhom l-ebda mertu l-awtoritajiet li huma passivi għall-aħħar.

Is-sospensjoni temporanja da parti tal-Gvern ta’ kull xogħol ta’ twaqqiegħ ta’ bini jew skavar, apparti milli hi applikazzjoni abbużiva tal-liġi hi ukoll riżultat ta’ reazzjoni ta’ paniku li tipprova fatt wieħed bażiku: l-awtoritajiet regolatorji tal-industrija tal-bini m’għandhomx ir-riżorsi biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom u li minnhom ilhom is-snin li abdikaw.

Dwar kull waħda mit-tlett binjiet li waqgħu matul dawn il-ġimgħat hu fatt magħruf li r-residenti kienu ilhom jilmentaw żmien: l-ebda awtorità ma eżaminat l-ilmenti tagħhom u aġixxiet fuqhom, la direttament u l-anqas billi rreferiethom b’mod urgenti f’fora oħra addattati.

Il-Gvern issa hu ppreokkupat. Kien ikun ħafna aħjar kieku din il-preokkupazzjoni wrieha iktar kmieni billi pprovda r-riżorsi lill-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini (BRO) mhux biss biex ikun jista’ jaqdi l-inkarigu tiegħu, imma ukoll billi jassigura li l-awtoritajiet kollha jieħdu interess u jinvestigaw l-ilmenti li jirċievu mingħajr dewmien.

Disa’ xhur ilu, il-konsultazzjoni pubblika li saret kellha l-iskop li jkun assigurat li “l-inċidenti” tal-ġimgħat li għaddew ikunu evitati kemm jista’ jkun billi jkunu kkonsolidati u msaħħa l-istituzzjonijiet dgħajfa li għandna illum.

Dawn huma l-inċidenti li nafu bihom. Kemm kien ikollna iktar inċidenti li kieku dawn ma ġewx evitati b’intervent f’waqtu minn numru ta’ professjonisti ddedikati?

Ir-regolamenti ta’ emerġenza li l-Gvern ħabbar li ser jippubblika fil-ġranet li ġejjin jistgħu joffru rimedju għal żmien qasir. Li neħtieġu huma soluzzjonijiet fit-tul: riżorsi adegwati ffukati fuq il-ħtieġa li l-industrija tal-kostruzzjoni tkun issorveljata b’mod kontinwu. Din hi l-unika triq li biha nistgħu naslu ħalli dawk li ma għandhom l-ebda rispett lejn il-komunità residenzjali fiz-zoni urbani tagħna jinġiebu f’sensihom.

 

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 16 ta’ Ġunju 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s