Villa Gollcher fil-Mosta: nipproteġuha

 

Ministri tal-Gvern, u ta’ madwarhom, qieshom qegħdin fil-kju għall-prosit wara li tħabbar li Ta’ Qali ser ikun estiż biex ikun l-ikbar spazju miftuħ f’Malta. Park Nazzjonali, qalulna. Sal-ħin li qed nikteb għadu mhux ċar x’inhu propost eżattament, avolja l-fatt fih innifsu li l-ispazji miftuħa aċċessibli għal kulħadd ser jiżdiedu hu pass posittiv u li hu inkoraġġanti.

Huwa biss biż-żmien li nistgħu nsiru nafu jekk din l-aħbar hix intenzjonata biex tostor azzjonijiet oħra, bħal, pereżempju, l-qerda ta’ Villa Gollcher fil-Mosta. Ninsab infurmat li din il-possibilità, li Villa Gollcher tinqerd u flokha jkun żviluppat xi ħaġa oħra, ġiet diskussa minn kandidat tal-Partit Laburista għall-Kunsill Lokali tal-Mosta waqt laqgħa b’attendenza miżera li saret għall-komunità tan-negożju fil-Mosta. Speċifikament issemmiet il-possibilità li fuq sit li effettivament hu protett ikun ipprovdut parkeġġ għal 500 karozza!

Villa Gollcher qiegħda fil-qalba urbana tal-Mosta b’kejl superfiċjali ta’ madwar 13,000 metru kwadru. Il-parti l-kbira tas-sit hi okkupata minn ġnien mimli b’siġar taċ-ċitru. Villa Gollcher mhix skedata. Imma kont sorpriż meta identifikajt li hemm protezzjoni permezz tal-policy CG09 tal-pjan lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta li kien approvat fl-2006. Mhux normali li nsibu sorpriżi bħal dawn fil-pjani lokali għax ġeneralment dawn kienu użati biex ikun immassakrat il-wirt mibni tagħna.

Il-Pjan Lokali jenfasizza li siti bħal Villa Gollcher fil-Mosta, bi ġnien imdaqqas, identifikati bħala spażji mhux mibnija bejn il-bini, għandhom ikunu mħarsa. Il-pjan lokali għaldaqstant jipprovdi li m’għandhomx ikunu kkunsidrati proposti biex isir żvilupp fuq dawn is-siti li bħala riżultat tiegħu jinħolqu binjiet separati, residenzjali jew mhux, u dan inkluż garaxxijiet għall-karozzi. L-unika possibiltajiet li jistgħu jkunu kkunsidrati huma dawk li jikkonċernaw xogħol żgħir immirat biex jikkonserva u/jew jirrestawra dawn it-tip ta’ propjetajiet fiż-żoni ta’ konservazzjoni urbana. Jista’ jkun hemm il-possibilità ukoll għal żidiet żgħar kompatibbli mar-regoli għaż-żoni ta’ konservazzjoni urbana imma jidher li hu possibli li Villa Gollcher fil-Mosta insalvawha.

Dejjem hemm il-logħob tal-iżviluppaturi, pereżempju, li ma jiħdux ħsieb il-bini biex tiġrilu l-ħsara u eventwalment ma jibqa’ xejn x’ikun protett! Biex nevitaw dawn l-affarijiet għandna ninsistu mal-Awtorità tal-Ippjanar biex tagħti kont ta’ egħmilha. Dan billi tassigura li sidien il-propjetà ma jippruvawx jonqsu mill-obbligi tagħhom biex jirnexxielhom jevitaw milli jintlaħqu l-miri tal-pjan lokali intenzjonati biex ikunu protetti ż-żoni ta’ konservazzjoni urbana.

Jiena infurmat li minkejja dan kollu, diġa ġie iffirmat konvenju biex tinbiegħ Villa Gollcher fil-Mosta, u dan soġġett li jinħareġ permess ta’ żvilupp mill-Awtorità tal-Ippjanar għal svilupp massiċċ. Qed jissemmew miljuni kbar ta’ euro. Ilkoll nafu x’kapaċi jagħmlu l-flus!

Hemm ħafna ġonna mdaqqsa li jeħtieġilhom u jixirqilhom ikunu protetti fiż-żoni urbani tagħna li qegħdin fil-periklu li jkunu ssagrifikati u jkunu soġġetti għal żvilupp. Biex dan iseħħ irid ikun hemm il-kompliċità tal-Awtorità tal-Ippjanar, għax il-bqija dan ma jistax iseħħx. Huwa dover tagħna li nassiguraw li l-Awtorità tal-Ippjanar tkun kontinwament attenta biex dan ikun evitat f’kull ħin. L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tkun iffukata biex twettaq dmirha ħalli l-ippjanar għall-użu tal-art ikun servizz li minnu tibbenefika l-komunità kollha.

Forsi, min jaf, il-ħarsien tal-wirt mibni tagħna ikun xi ftit iktar faċli milli hu illum.

Ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2019

Advertisements