Fort Campbell f’Selmun: abbandunata, vvandalizzata u fi stat ta’ periklu

Dal-għodu kont Fort Campbell, limiti ta’ Selmun flimkien ma Luke Caruana kandidat ta’ Alternattiva Demokratika għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u ma Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali tal-partit.

Fort Campbell mhux biss ġiet traskurata u żviluppat ħsara kbira, kkawżata miż-żmien u mill-elementi, imma hu ċar li ġiet vandalizzata ukoll.

Ir-ritratt juri parti minn Fort Campbell li saret gorboġ! Sfrondaw is-soqfa u ġibdu kollox magħhom.

Din il-forti nbniet mill-Inġliżi fis-snin tletin, ftit qabel ma faqqgħet it-tieni gwerra, bħala parti mit-tħejjija għad-difiża tat-tramuntana ta’ Malta minn attakki mill-ajru jew mill-baħar.

Għalkemm relattivament inbniet fi żmien riċenti, din il-fortizza xorta tifforma parti mill-wirt storiku tagħna. Minflok ma nħalluha tibqa’ tiġi vvandalizzat, sakemm possibilment tinqered għal kollox, huwa obbligu tagħna bħala pajjiż li nirranġaw il-ħsara u li din l-opra tal-gwerra nikkonvertuha fi strument għall-paċi. Strument għall-ħarsien u l-istudju tal-ambjent rurali kif ukoll ċentru biex immexxu l-quddiem l-eko-turiżmu.

X’ħin kont Fort Campbell dal-għodu kien hemm ħafna nies, bil-familji. Tkellimt ma uħud minnhom. Mhux kollha huma konxji mill-gravità tas-sitwazzjoni. Bil-ħafna tfal li kien hemm jiġru min-naħa għall-oħra, l-obbligu tal-Gvern li jieħu passi immedjati, biex min qiegħed jirrikreja ruħu hemm ma jkunx espost għall-periklu, hu ta’ prijorità immedjata.

Imma f’dan il-pajjiż dejjem l-istess. Forsi, min jaf, niċċaqalqu meta tiġri disgrazzja kbira. Imma dakinnhar, għal min ilaqqata jkun tard wisq.

Advertisements