L-aħdar: sens komun ambjentali

Iktar minn sentejn ilu, nhar l-20 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar irrifjuta applikazzjoni għal kontroll tal-iżvilupp intenzjonata biex tistabilixxi x’jista’ jinbena fuq art f’ Ta’ Durumblat il-Mosta, b’kejl ta’ 38,600 metru kwadru.

Ma kienitx sorpriża meta iktar kmieni din il-ġimgħa din l-applikazzjoni reġgħet tfaċċat fil-forma ta’ applikazzjoni ġdida fuq art ftit ikbar fid-daqs, din id-darba 40,500 metru kwadru. Il-proposta hi biex iż-żona kollha tkun żviluppata f’waħda residenzjali b’binjiet ta’ erba’ sulari, b’waħda minnhom parzjalment taħt il-livell tat-triq.

Il-ġlieda biex inħarsu l-ambjent jeħtieġ li nġedduha kuljum billi l-forzi tar-rebgħa qegħdin f’posizzjoni b’saħħitha li jibqgħu jippruvaw sakemm iġibuha żewġ.

Għadna taħt l-effett tal-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjioni li kien implimentat taħt id-direzzjoni tal-ex Ministru tal-Ambjent tal-PN George Pullicino bir-riżultat li madwar żewġ miljun metru kwadru ta’ art barra miz-zona tal-iżvilupp (ODZ) ingħataw għall-iżvilupp. Dakinnhar, fl-2006, l-Opposizzjoni Laburista kienet ivvutat kontra din l-inizjattiva, imma hekk kif ħadet is-setgħa, konvenjentement insiet kollox. Huwa biss issa li bosta qed jirrealizzaw kemm hi kbira l-ħsara ambjentali li ser tkun ikkawżata minn dan l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni. Sfortunatament, ir-rimedji possibli għal din il-ħsara huma limitati. Is-sitwazzjoni hi agħar minħabba li l-Gvern, bi strateġija ċara ma jaġixxix. Għax hu konvenjenti li jistax jwaħħal fil-Gvern ta’ qablu għal din il-mandra.

Il-punt hu li ma għandna l-ebda ħtieġa ta’żvilupp massiċċ fuq art verġni, bil-konsegwenza li tisparixxi iktar art agrikola fil-periferija taż-żoni urbani tagħna, bil-possibiltà li jingħaqdu fiżikament il-lokalitajiet. Il-mistoqsijiet li qamu sentejn ilu meta konna ffaċċjati bl-applikazzjoni oriġinali għadhom hemm, mhux imwieġba. Dawn ġew injorati mill-iżviluppaturi u dan minħabba li l-applikazzjoni l-ġdida hi identika għal dik oriġinali.

Għalfejn iridu żvilupp daqshekk intensiv? Xi studji hemm li jkejlu l-impatt tal-proposti ta’ żvilupp fuq l-infrastruttura tal-inħawi? Iż-żona li hu propost li tkun żviluppata hi sostanzjali. Zona li kien jagħmel sens li tkun pulmun aħdar għall-Mosta ser tispiċċa mibnija b’mijiet ta’ residenzi u garaxxijiet.

Meta għandna Gvern li mhux kapaċi jieħu posizzjoni ċara kontra żvilupp esaġerat, l-Awtorità tal-Ippjanar ma tantx għandha fejn tiċċaqlaq u dan billi d-deċiżjoni bażika favur l-iżvilupp esaġerat ilha li ttieħdet mill-Parlament sa mill-2006. Li baqa’ li jkun deċiż huwa n-natura tal-iżvilupp permissibli, inkluż jekk ikunx permess bini intensiv inkella bini baxx b’ħafna spazji miftuħin madwaru.

L-iżvilupp propost fil-Mosta m’huwiex sostenibbli għax ma nistgħux nibqgħu nitilfu iktar raba’ bla bżonn.

Alternattiva Demokratika hi l-uniku partit politiku li konsistentment oppona l-pjan ta’ razzjonalizzazzjoni u emfasizza l-ħsara ambjentali li dan kien ser jikkawża fil-lokalitajiet tagħna. Dawk li jridu jħaxxnu bwiethom, ovvjament jaħsbuha mod ieħor. Dawk li jiddeċiedu, min-naħa l-oħra, b’mod konsistenti injoraw l-impatti ambjentali.
Din il-problema mhix waħda limitata għall-Mosta, imma hi mifruxa ma’ Malta u Għawdex. Kelli l-opportunità li niġbed l-attenzjoni għal diversi eżempji f’lokalitajiet oħra bħall-Marsaxlokk, il-Mellieħa, Ħ’Attard, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema u diversi lokalitajiet oħra, fejn ir-rgħiba tħalliet issaltan.

Din hi kampanja favur is-sens komun, għax is-sens komun ambjentali hu aħdar. Huwa d-difiża tal-ġid komuni. Il-ħarsien tar-raba’ minn żvilupp mhux neċessarju hu essenzjali għax ma nistgħux nibqgħu nitilfu iktar art fi ġlieda mar-rgħiba. Hu mod kif inqegħdu fil-prattika dak li nipprietkaw dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Meta jkollok daqshekk politiċi jipprietkaw kemm jemmnu fil-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli diffiċli li wieħed jifhem kif Alternattiva Demokratika hi prattikament waħedha fuq il-front politiku li jopponi l-iżvilupp esaġerat.

Il-ħarsien tal-ambjent hu ferm iktar minn eserċizzju ta’ tindif. Huwa dejjem tajjeb li jinġabar l-iskart mormi mal-kosta jew fil-kampanja. Li topponi l-iżvilupp esaġerat huwa tindif preventiv tal-periferiji urbani tagħna. Ir-residenti jeħtieġu l-appoġġ. Imma anke huma jeħtieġ li jifhmu li jekk ser jivvutaw bħas-soltu l-affarijiet mhux ser jinbidlu.

 

Ippubblikat fuq Ilum: Il-Ħadd 28 t’April 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s