12-il minuta pjaċir

F’waħda mill-ħrejjef minsuġa mill-konsulenti tal-Gvern, ġejna nfurmati li l-infieq massiċċ fl-infrastruttura tat-toroq ser iwassal biex ikollna 12-il minuta iktar fil-ġimgħa miżjuda mal-ħin liberu tagħna, ħin li illum hu mitluf.

Din iż-żieda fil-ħin liberu tagħna, qalulna, ser tkun possibli għax ser neħlu inqas fit-traffiku. Sa fejn naf jien, dak li ntqal eżatt f’din il-ħrafa għad mhuwiex ippubblikat. Nafu bl-eżistenza tagħha permezz ta’ waħda mill-attivitajiet pubbliċi tal-Onorevoli Ministru tat-Trasport Ian Borg!

Xi snin ilu, kien ippubblikat studju serju, intitolat The External Costs of Passenger and Commercial Vehicles use in Malta. Dan kien ippubblikat mill-Istitut dwar il-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta. F’dan l-istudju, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja, kien ġie stmat li l-ħin li jintilef fil-konġestjoni tat-traffiku f’Malta minn kull persuna li ssuq jammonta għal madwar 52 siegħa fis-sena, u ċjoe madwar 60 minuta fil-ġimgħa. Billi dan l-istudju kien ippubblikat erba’ snin ilu, fl-2015, probabbilment li s-sitwazzjoni illum hi xi ftit agħar minn hekk ukoll. Imma anke minn din iċ-ċifra ta’ 60 minuta fil-ġimgħa, diġa jidher li l-konsulenti tal-Gvern għadhom ftit lura: għax għad baqa’ 80% tal-ħin mitluf fil-konġestjoni tat-traffiku li għadhom l-anqas biss xammewh.

Il-problema bażika li għandu l-Gvern bil-politika tat-trasport tiegħu hi li l-miżuri u l-inizjattivi li qed jieħu biex jindirizza l-konġestjoni tat-traffiku huma indirizzati lejn l-effetti li jirriżultaw mill-użu tat-toroq. Mhux qed ikun indirizzat b’mod adegwat dak li qed jikkawża din il-konġestjoni. Jekk inħarsu fit-tul, li jitwessgħu t-toroq, inkella li tkun żviluppata l-infrastruttura tat-toroq biex dawn jifilħu iktar karozzi qatt ma ser jagħti riżultati sodisfaċenti. Is-sitwazzjoni inevitabilment taqleb għall-agħar, għax nispiċċaw nipposponu l-problemi għal iktar tard, meta ibagħad ikunu ferm agħar.

Miżuri li jimmiraw għal riżultati immedjati biex tiżdied l-effiċjenza tat-toroq jistgħu jagħtu riżultati kemm-il darba jintrabtu ma miżuri bl-iskop li jnaqqsu l-karozzi mit-toroq tagħna.

Ikun floku li nħarsu mill-ġdid lejn l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport li twassal sal-2025: din identifikat li madwar ħamsin fil-mija tal-vjaġġi b’karozzi privati jieħdu inqas minn kwarta. Dan ifisser li l-inizjattivi tal-politika tat-trasport għandhom ikunu iffukati lejn il-movimenti tat-traffiku lokali u reġjonali. Ħidma iffukata f’din id-direzzjoni, bla dubju, tagħti riżultati fi żmien raġjonevoli.

Il-konġestjoni tat-traffiku hi riżultat tad-dipendenza akuta tagħna lkoll fuq il-karozzi. Hija din id-dipendenza li għandha tkun indirizzata bla iktar dewmien. Sfortunatament hu propju dan li l-Gvern u l-agenziji tiegħu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jevitaw illi jindirizzaw.

Biex inkun ġust fil-kritika tiegħi għandi ngħid ukoll li ġew introdotti diversi miżuri biex iħeġġu lil min jagħmel użu minn mezzi alternattivi ta’ transport. Dawn jinkludu aċċess bla ħlas għat-trasport pubbliku għal diversi kategoriji kif ukoll miżuri biex ikun inkuraġġit l-użu tar-rota. L-enfasi fuq l-użu tat-trasport bil-baħar fil-portijiet huwa ukoll ta’ benefiċċju u dan billi mhux biss hu mezz effiċjenti ta’ mobilità imma għandu l-kosegwenza diretta li jnaqqas il-karozzi mit-toroq tagħna. Miżuri biex ikun indirizzat it-trasport tal-iskejjel kienu ukoll inizjattiva oħra importanti. Fil-ħidma tal-gvern hemm nuqqas wieħed importanti li jagħmel id-differenza kollha: il-gvern għażel inċentivi biex iħajjar lil min jibdel l-iġieba tiegħu. Jonqos li jieħu miżuri fil-konfront ta’ dawk li jibqgħu jużaw il-karozzi privati meta hu għaqli li dan m’għandux isir. Dan qed isir għal raġuni ovvja: biex ikunu evitati konsegwenzi politiċi tal-miżuri iebsa li huma meħtiega.

Għandhom ikunu użati b’mod estensiv miżuri fiskali biex jonqsu l-karozzi mit-toroq kemm b’mod permanenti kif ukoll f’ħinijiet speċifiċi.

Fost il-miżuri li jistgħu jkunu użati hemm il-congestion charge li hi użata f’bosta pajjizi. Din tinvolvi ħlas skont kemm iddum f’zoni li jkun fihom ħafna traffiku, intenzjonata biex ħadd ma jdum iktar milli għandu bżonn f’dawn iż-żoni, kif ukoll biex min jista’ jevithom jagħmel hekk ukoll.

Sfortunatament, din il-congestion charge li xi snin ilu kienet applikata l-Belt Valletta ġiet limitata fil-mod kif kienet qed tiġi applikata b’mod li naqqset l-effettività tagħha. Jekk l-applikabilità ta’ din il-congestion charge tkun imsaħħa hu estiża lil hinn mill-Belt Valletta l-impatt tagħha biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku fiz-zoni urbani ewlenin f’kull ħin tal-ġurnata tista’ tkun waħda sostanzjali. Gradwalment miżura bħal din twassal għal tnaqqis permanenti ta’ karozzi mit-toroq tagħna flimkien ma żieda sostanzjali kemm fl-użu tat-trasport pubbliku kif ukoll fl-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ mobilità sostenibbli.

Politika tat-trasport iffukata biex tindirizza bis-serjetà dak li qed jikkawża l-konġestjoni tat-traffiku, bla ebda dubju, tagħtina ferm iktar minn 12-il minuta żieda fil-ħin liberu tagħna. Dejjem, imma, jekk tindirizza l-kawża reali: id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. Sakemm dan iseħħ ser nibqgħu nisimgħu iktar ħrejjef minsuġa mill-konsulenti tal-Ministru Ian Borg.

ippubblikat fuq Illum : 21 t’April 2019