Għal darb’oħra: il-PLPN jimxu id f’id, favur il-ħsara ambjentali

 

L-approvazzjoni mill-Parlament, iktar kmieni illum,  tal-mozzjoni dwar il-mina bejn Malta u Għawdex tikkonferma dak li ilna nafu: li fil-qerda ambjentali l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista jimxu id f’id. Jaqblu.

Ta’ xejn iżejnu l-argumenti tagħhom biex jippruvaw jagħtu l-messaġġ dwar kemm qalbhom taħraqhom għall-ambjent għax ma jimpressjonaw lil ħadd.

Il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex ser ikun il-kawża ta’ ħsara ambjentali enormi. L-istudji, jekk isiru sewwa, għad jikkonfermaw il-kobor ta’ din il-ħsara.

Hu tal-mistħija li fil-Parlament ma kien hemm l-ebda vuċi kredibbli li esponiet il-kaz ambjentali kontra l-proġett tal-mina. L-ebda leħen kredibbli li jfiehem kemm il-konnettività bejn Malta u Għawdex tista’ titjieb sostanzjalment b’soluzzjonijiet alternattivi.

Hi ta’ sfortuna li membri parlamentari kollha li hemm fil-Parlament illum ġew eletti fuq manifest elettorali li jappoġġaw il-mina u dan mingħajr l-ebda eċċezzjoni.

Hemm messaġġ wieħed ċar, għal min irid jifhmu. Forsi min ittama li jista’ xi darba jara xi ħjiel ta’ appoġġ ambjentali mill-PN u PL jiftaħ ftit għajnejħ u jirrealizza li kull meta dawn tkellmu dwar l-ambjent kellhom skop wieħed, biex jgħadduk biż-żmien.

Issa, kull ma jonqos hu t-timbru tal-pupazzi fl-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.