X’inhu għaddej bejn il-PN u 17 Black ?

L-aħbar fit-Times tal-Ħadd dwar il-laqgħa bejn il-Membri Parlamentari tal-PN Kristy Debono u Hermann Schiavone ma Yorgen Fenech ta’ 17 Black fil-21 sular tat-torri ta’ Portomaso hi prova tal-wiċċ b’ieħor tal-Partit Nazzjonalista.

Is-17 Black hi kumpanija (inkorporata fid-Dubai) li dwarha hemm allegazzjoni ta’ tixħim li fih jissemmew Konrad Mizzi u Keith Schembri. Niftakru fl-emails dwar l-iskandlu Panama fejn intqal minn fejn ġejjin il-miljuni fil-kontijiet bankarji ta’ Mizzi u Schembri.
Dakinnhar il-PN għamilha tal-paladin kontra l-korruzzjoni. Imma llum imur għand l-istess 17Black biex jitolbu l-għajnuna.

Kristy Debono qalet li talbet għajnuna dwar użu ta’ sala żgħira għall-konferenzi. Hermann Schiavone min-naħa l-oħra kien evażiv u ma riedx jagħti informazzjoni.

Kif tista’ temmen lil dawn in-nies (u lil sħabhom) meta jitkellmu kontra l-korruzzjoni?
Kristy Debono u Hermann Schiavone għandhom l-obbligu li jagħtu spjegazzjoni pubblika. Anzi, li kieku l-Partit Nazzjonalista kien serju, diġa ssospendihom.

Imma ilna nafu, li s-serjetà ma toqgħodx tal-Pietà.

L-Awtorità tal-Artijiet raqdet?

Id-dokument tal-Awtorità tal-Ippjanar intitolat Policy, Guidance and Standards for Outdoor Catering Areas on Public Open Space kien approvat f’Ġunju 2016. Permezz ta’ dan id-dokument hu regolat it-tqegħid ta’ siġġijiet u mwejjed fi spazji pubbliċi minn stabbilimenti li jservu l-ikel. Fid-daħla għal dan id-dokument jintqal li l-possibilità li spazju pubbliku jintuża b’dan il-mod jgħin fit-tisħiħ tal-valur ta’ dawn l-istabilimenti li jservu l-ikel.

It-triq li wasslet biex ikun konkluż u approvat dan id-dokument kienet waħda meqjusa bħala proċess ta’ simplifikazzjoni tal-proċess burokratiku, biex is-sidien tan-negozju jinqdew malajr u ma joqgħodux jaħlu ħafna ħin jiġru minn uffiċċju għall-ieħor biex jinkiseb permess! Kien hemm diversi entitajiet involuti. Però, l-iktar importanti minnhom, l-Kunsilli Lokali, ma kienux hemm. Dan hu rifless fid-dokument innifsu għax dan iħares l-interessi tan-negozju iżda ftit li xejn jagħti kaz tal-interessi tar-residenti.

Id-dokument jipprovdi illi meta jkunu ikkunsidrati applikazzjonijiet għal permessi biex stabilimenti li jservu l-ikel jokkupaw spazju pubbliku b’imwejjed u siggijiet għandu jkun assigurat li jitħallew passaggi mhux okkupati biex minnhom ikun jista’ jgħaddi l-pubbliku mingħajr diffikulta. Għandu anke jkun assigurat li l-aċċess għal propjetà ta’ terzi kif ukoll għal servizzi pubbliċi jitħalla liberu. Id-dokument jinsisti ukoll li fuq bankini f’toroq li minnhom jgħaddi traffiku b’veloċità kbira m’għandhomx jinħarġu permessi għall-imwejjed u siġġijiet.

Minkejja dan kollu, ipprova imxi fuq il-bankina fix-Xatt tal-Gżira fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema u mbagħad ipprova kompla għaddej lejn ix-Xatt ta’ Tignè. Ikollok diffikultà konsiderevoli biex tgħaddi għax il-ħwienet, bil-barka tal-awtoritajiet, irnexxielhom jittrasforma propjetà pubblika f’parti integrali min-negozju tagħhom. Jirnexxielek tgħaddi b’diffikultà kbira. Għar-residenti li joqgħodu fil-flats fuq dawn in-negozji id-diffikultà hi ferm ikbar.

Dan hu r-riżultat ta’ politika li tpoġġi l-interess tan-negożji qabel l-interess tar-residenti. Infrastruttura aċċessibli u sikura m’hiex prijorità fil-politika tal-Gvern u l-awtoritajiet pubbliċi.

Riċentement, fl-aħħar, l-Awtorità tal-Artijiet ħadet id-deċiżjoni tajba li tirrifjuta applikazzjoni mis-sidien ta’ lukanda fix-Xatt tal-Gżira biex zona riżervata għall-parking tkun tista’ tintuża ħalli fuqha jitpoġġew siġġijiet u mwejjed li minnhom isservi l-ikel.

Meta is-sidien tal-lukanda ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet huma ngħataw deċiżjoni mit-Tribunal Amministrattiv li bħalha ma tantx ikollna. F’din id-deċiżjoni ġie emfasizzat li l-politika dwar it-tqegħid tal-imwejjed u s-siġġijiet fi spazji pubbliċi biex minnhom jisserva l-ikel tipprojibixxi li dawn jitqegħdu fil-viċinanzi ta’ toroq arterjali inkella minnfejn jgħaddi traffiku b’veloċità sostanzjali. In-nies, qalet id-deċiżjoni, għandhom ikunu mħarsa mit-traffiku, mill-istorbju kif ukoll minn arja mniġġsa.

L-inċidenti fil-fatt iseħħu. Madwar disa’ xhur ilu, f’Lulju 2018, Olandiż ta’ 25 sena li kien miexi għall-affari tiegħu tul ix-Xatt ta’ San Ġiljan ġie mtajjar minn karozza li kienet għaddejja b’veloċità esaġerata u li kienet misjuqa minn żgħażugħ ta’ 20 sena li skond ma kien rappurtat kien qabeż il-limitu permissibli ta’ alkoħol li seta jixrob. L-Olandiż miet. Oħrajn weġġgħu. Saret ukoll ħsara konsiderevoli.

Minkejja dan kollu għadna nistennew lill-Awtorità tal-Artijiet biex tieħu passi f’diversi lokalitajiet biex fejn fil-passat inħarġu permessi għal imwejjed u siġġijiet fuq bankini u spazji pubbliċi oħra li huma viċin wisq ta’ toroq li minnhom jgħaddi traffiku b’veloċita kbira, dawn il-permessi jkun ikkunsidrati mill-ġdid u jiġu rtirati. Jekk l-Awtorità tal-Artijiet ser iddum wisq ma tiċċaqlaq ser ikollha terfa’ r-responsabbiltà għall-ewwel karozza li tispiċċa tkaxkar filliera mwejjed bin-nies madwarhom.

Qatt mhu tard biex tikkoreġi l-iżbalji. Żbalji li setgħu faċilment ġew evitati kieku ġew ikkonsultati l-Kunsilli Lokali.

Meta ser tiċċaqlaq l-Awtorità tal-Artijiet?

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 7 t’April 2019