Sven Giegold u l-Partit Nazzjonalista

Sven Giegold ilu jsegwi dak li qiegħed jiġri f’Malta. Tkellem diversi drabi fuq materji differenti. Fuq il-ħasil tal-flus, fuq il-korruzzjoni, u fuq l-evażjoni tat-taxxa. Bla dubju ifforma l-opinjoni tiegħu primarjament minn dak li hu magħruf pubblikament. Imma ukoll minn dak li sema’ kemm waqt iż-żjarat ta’ delegazzjonijiet tal-Parlament tal-EU f’Malta kif ukoll minn dak li jisma’ membri parlamentari Maltin fil-Parlament Ewropew jgħidu.

Waqt li jiena m’għandi l-ebda ħsieb li nikkundanna lil ħadd, irrid iżda nirrimarka li dak li ngħidu barra minn xtutna fuq pajjiżna, anke meta jkun veru, jista’ jagħmel ħafna ħsara. Kien ikun faċli għalija u għal sħabi f’Alternattiva Demokratika li nippreżentaw mozzjonijiet dwar il-qagħda politika f’Malta fil-laqghat internazzjonali li nattendu. Għażilna li dan ma nagħmluħx biex ma nagħmlux ħsara iktar milli diġa qed issir mill-Gvern Malti nnifsu.

Lill-Gvern Malti ikkritikajnieh diversi drabi. Ma qbilniex miegħu u tkellimna dwar dan pubblikament elf darba. Tkellimna dwar il-korruzzjoni, dwar il-ħasil tal-flus, dwar l-iskandlu tal-Panama u li l-Prim Ministru Joseph Muscat żbalja meta ma ħax passi drastiċi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri. Għidna diversi drabi li Muscat kellu jerfa’ ir-responsabbilta politika għall-fatt li naqas li jaġixxi. U għamilna sewwa li tkellimna b’dan il-mod.

Ma għandna għalfejn ninfurmaw lil ħadd fi Brussell dwar dak li qiegħed jiġri f’Malta għax kulħadd għandu għajnejħ f’wiċċu. Ġieli f’laqgħat internazzjonali jistaqsuna dwar dak li jkun għaddej u niddiskutu l-fatti mingħajr esaġerazzjonijiet.

Dak li ġara f’Malta f’dawn l-aħħar xhur u snin hu magħruf minn kulħadd. Sempliċi search fuq l-internet u jkollok l-istorja kollha.

Huwa f’dan il-kuntest li l-presentazzjoni tal-mozzjoni ta’ Sven Giegold kienet il-pass loġiku għal min iħares lejn Malta minn barra. Għalija u għal Alternattiva Demokratika hu pass żejjed li kien ikun aħjar li ma sarx. Imma għal min tefa’ l-ħatab fin-nar ma jistax issa jgħid li ma kkontribwixxiex anke ftit għal din is-sitwazzjoni.

Għaldaqstant, il-kundanna ta’ Sven Giegold mill-PN hi ftit ipokrita. Ikun aħjar jekk jeżaminaw ftit il-kuxjenza tagħhom u jaraw x’kontribut taw biex sviluppat din is-sitwazzjoni.