Mela issa għandna dokument konsultattiv li qed jipproponi biex inżidu s-siġġijiet parlamentari bi tnax il-siġġu. Bħal dak li qallu li l-Parlament mhux diġa kbir iżżejjed.
Id-dokument hu miktub bl-Ingliż. Għal min bħali jippreferi l-użu tal-Malti dan hu ta’ dizappunt f’dokument importanti għal konsultazzjoni pubblika.
Il-proposta essenzjalment hi biex ikun hemm intervent kostituzzjonali biex il-ġeneru sotto-rappresentat fil-Parlament ikun aġevolat. Id-dokument jitkellem dwar “sess” sotto-rappresentat flok “ġeneru” sotto-rappresentat u b’dan il-mod jipprova jdur ma l-posizzjoni politika dwar ir-rappresentazzjoni tal-ġeneru X, it-tielet ġeneru li la jidentifika ruħu ma dak maskili u l-anqas ma dak feminili.
Dak propost japplika biss f’każ ta’ żewġ partiti fil-Parlament. Jiġifieri bl-elezzjoni tat-tielet partit fil-parlament dak kollu propost ma jiswiex il-karta li hu miktub fuqha.
Hemm soluzzjonijiet oħra, li dwarhom ġja tkellmet Alternattiva Demokratika. Hemm bżonn li s-sistema elettorali tinbidel mill-qiegħ.
Flok ma nraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar billi naġġustaw ir-riżultati elettorali għall-proporzjonalità u għar-rappreżentanza ekwa tal-ġeneri hu meħteġ li tkun introdott sistema elettorali a bażi ta’ lista elettorali tal-partiti li tkun bilanċjata u li tiehu in konsiderazzjoni t-tlett ġeneri.
Id-diskussjoni hi dejjem importanti u f’dan is-sens id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika għandna naqrawh sewwa.
Imma l-proposti li għandna quddiemna ma huma ser isolvu xejn.