Kien Oscar Wilde li madwar mitt sena ilu kiteb li hawn uħud li jafu l-prezz ta’ kollox imma m’għandhomx l-iċken idea tal-valur ta’ dak li hemm madwarhom. Illum l-affarijiet huma ferm iktar soffistikati minn hekk. Għandna studji kkumplikati li janalizzaw il-benefiċċju miksub ikkomparat mal-infieq li jsir u studji dwar impatti ta’ kull xorta li bihom tista’ tipprova tiġġustifika dak li trid, dejjem sakemm tkun ippreparat biex tħallas minn imnieħrek għal dan il-privileġġ.
Illum il-ġurnata prattikament kollox hu ridott għal valur monetarju. Meta nitkellmu dwar spiża, prattikament kulħadd jifhem nefqa f’termini ta’ flus. Li titkellem dwar spiża ambjentali jew spiża soċjali donnu li hi xi ħaġa stramba, qisu diffiċli biex tinftiehem.
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin dejjem trid iktar. B’pariri minn xi professjonisti, inkluż eks uffiċjali anzjani tal-ippjanar, issa l-iżviluppaturi qed jippreżentaw it-talbiet tagħhom billi jilgħabuha tal-vittmi tar-regolamentazzjoni. Imma fis-sustanza t-talbiet tagħhom huma dejjem l-istess: biex jimmassimizzaw il-frott tar-rebgħa.
Kważi fl-istess ħin sirna nafu li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ilma żarmat. Okkazjoni bħal din hi dejjem waħda ta’ dieqa. Imma r-realtà tibqa’ li f’Malta hawn ftit wisq attivisti ambjentali f’numru ta’ għaqdiet ambjentali li mhux wieħed żgħir. Forsi l-għaqdiet ambjentali jirrealizzaw illi l-multiplikazzjoni tagħhom ma tagħmilx ġid lill-kawża li jmexxu l-quddiem. Lanqas ma jagħmel ġid li dawn l-għaqdiet iħarsu lejn il-konsulenti tal-iżviluppaturi l-kbar huma u jfittxu tmexxija ġdida. Il-kredibilità tagħhom, naħseb, li tista’ tieħu daqqa ta’ ħarta.
Il-ħarsien tal-ambjent hu għadma iebsa. Bosta ma jirrealizzawx li l-kwalità tal-ħajja tagħna jiddependi minn din il-ħidma. Ir-riżultati tal-ħidma favur il-ħarsien tal-ambjent, jew in-nuqqas tagħha, jidhru ġeneralment fuq tul ta’ żmien, ma jidhrux malajr. Dan inevitabilment iwassal biex ma tidhirx b’mod ċar ir-rabta bejn il-kawża u l-effett u bħala konsegwenza ma jkunx hemm biżżejjed interess f’dak li qed jiġri, sakemm ikun tard wisq.
Illum bosta qed jirrealizzaw x’inhuma l-impatti konsiderevoli tal-ezerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni tal-art li nieda l-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi fl-2006 li bħala riżultat tiegħu madwar żewġ miljun metru kwadru ta’ art madwar dawn il-gżejjer saru tajbin għall-iżvilupp mil-lum għal għada. Ftit jiftakru li l-Partit Laburista, dakinnhar, kien ħa posizzjoni kontra l-proposta ta’ razzjonalizzazzjoni u kien anke ivvota kontra tagħha fil-Parlament. Illum il-ġurnata, imma, l-Partit Laburista fil-Gvern ħalla kollox kif kien, għax, wara kollox, hu komdu li meta kkritikat tkun tista’ twaħħal f’ ta’ qablek u b’wiċċ ta’ qdusija artifiċjali tiddikjara li ma tista’ tagħmel xejn, għax sadanittant hemm min laħaq rabba’ l-ġust!
Din l-aħħar manuvra tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi li jilgħabuha tal-vittmi mhiex xi ħaġa ġdida. Kif spjega dak li kien Direttur tal-Ippjanar, u li illum mid-dehra hu konsulent tal-Assoċjazzjoni, l-Perit Stephen Farrugia, l-proposta tinvolvi tpartit ta’ arja f’żoni ta’ konservazzjoni urbana ma drittijiet ta’ żvilupp iktar vantaġġjuż xi mkien ieħor. Bażikament it-talba tal-Assoċjazzjoni hi biex il-membri tagħha jkunu kkumpensati għar-restrizzjonijiet fiż-żoni ta’ konservazzjoni urbana kif ukoll fil-konfront ta’ bini protett. Kif intqal f’artiklu ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa mill-President tal-Assoċjazzjoni Sandro Chetcuti t-talba hi biex dak li mhux jitħallew jiżviluppaw jibqa’ għandhom bi dritt li jkun trasferit fuq art oħra fejn ma hemmx l-istess restrizzjonijiet. S’issa ma ippubblikawx dettalji imma hu ovvju li l-proposta qed tfittex li jinħolqu ammont sostanzjali ta’ drittijiet ta’ żvilupp li jkompli jżid mal-madra li diġa hawn.
L-Assoċjazzjoni bil-proposta tagħha qed tmur kontra dak li hu bażiku fl-ippjanar tal-użu tal-art għax qed tassumi b’mod żbaljat li kull sid ta’ propjetà għandu dritt ugwali biex jiżviluppa rrispettivament mil-livell ta’ protezzjoni applikabbli. Hi proposta li tfisser biss taħwid, iktar milli diġa hawn.
X’baqa’ jiġri?
Ippubblikat fuq Illum : 24 ta’ Marzu 2019