Il-Gwardjan tal-Kostituzzjoni

Il-Kostituzzjoni tagħna tistenna li l-President tar-Repubblika jħares u jipproteġi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Imma mbagħad, l-istess Kostituzzjoni tonqos milli tipprovdi lill-President l-għodda meħtieġa biex ikun jista’ jwettaq dmiru, li jħares u jipproteġi l-Kostituzzjoni. Bħala riżultat ta’ dan, sal-lum, il-President tar-Repubblika straħ fuq il-persważjoni morali biex ikun jista’ jwettaq dan id-dmir bażiku. Illum il-ġurnata, meta nistennew ferm iktar minn Presidenza tar-Repubblika, ċerimonjali u bit-timbru, dan hu ferm inqas minn dak li nistennew. Is-soċjetà tagħna tistenna Presidenża bis-snien, anke jekk mingħajr poter eżekuttiv. Jiġifieri Presidenza li tista’ taġixxi fejn meħtieġ u ġustifikat mingħajr poteri eżekuttiv li ma jippermettuliex li tkun involuta fit-tmexxija ta’ kuljum tal-pajjiż.

Il-President tar-Repubblika ma jistax jistrieħ fuq il-perswazjoni morali biss biex jikkonvinċi gvern ħalli jibdel trieqtu u jirrispetta l-Kostituzzjoni, meta dan ikun meħtieg li jsir. L-uffiċċju tal-President jeħtieġ is-snien fil-forma ta’ għodda legali biex ikun jista’ jwettaq l-obbligu li jħares u jiddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta.

L-Eċċellenza Tagħha l-President Coleiro-Preca, iktar kmieni din il-ġimgħa għamlet proposta ċara u speċifika. F’intervista ppubblikata fuq Indepth, fl-edizzjoni elettronika ta’ The Malta Independent, fejn qalet li l-President tar-Repubblika għandu jkollu l-awtorità li jibgħat liġi lura għand il-Parlament biex din tkun ikkunsidrata mill-ġdid. Dan ikun ifisser ukoll li l-uffiċċju tal-President ikun ipprovdut bir-riżorsi meħtieġa ħalli l-President ikollu l-pariri legali meħtieġa, f’ħin qasir, biex b’hekk ikun f’posizzjoni li jwettaq dmiru.

Dan iwassal għall-konsiderazzjoni oħra: safejn għandu jinvolvi ruħu fid-dibattitu politiku l-President tar-Repubblika? Għax li tibgħat lura lill-Parlament liġi li jkun approva biex din tkun ikkunsidrata mill-ġdid hu bla dubju messaġġ politiku qawwi ħafna. Għandi dubju kemm President tar-Repubblika elett fix-xenarju politiku kurrenti jkun lest li jħaqqaqha mal-Parlament b’dan il-mod. Għax anke jekk wieħed jaċċetta li azzjoni ta’ din ix-xorta tkun xi ħaġa rari ikun loġiku li nikkonkludu li biex dan iseħħ ikun bla dubju f’nofs ta’ kontroversja politika liema bħalha! Bla dubju n-natura tal-Presidenza tinbidel li kellha sseħħ din il-bidla. Tista’ tkun bidla għall-aħjar.

Il-proposta li qed tagħmel il-President hi waħda valida. Imma rridu narawha f’kuntest iktar wiesa’.

Alternattiva Demokratika ilha żmien li pproponiet, fil-programmi elettorali diversi tagħha, li l-President tar-Repubblika għandu jintagħżel permezz ta’ kulleġġ elettorali li jkun ferm iktar wiesa’ mill-Parlament. Alternattiva Demokratika dejjem emfasizzat fuq il-ħtieġa li anke l-Kunsilli Lokali jkunu involuti flimkien mal-Parliament fl-għażla tal-President tar-Repubblika.

Il-Parlament m’għandux jikkontrolla l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż. Is-sehem tal-Kunsilli Lokali fl-elezzjoni tal-President tar-Repubblika jagħti iktar dinjità lill-kariga ta’ President u jgħin biex titneħħa l-idea li din il-kariga hi waħda fejn jispiċċaw jirtiraw uħud mill-politiċi nazzjonali, irġiel u nisa.

Jekk ikun stabilit dan il-kulleġġ elettorali, l- President tar-Repubblika jkun jista’ jinħeles mid-dipendenza politika fuq il-Parliament. Bħala riżultat ta’ dan, ikun ukoll protett minn reazzjoni politika kontra tiegħu/tagħha da parti tal-maġġoranza Parlamentari kemm-il darba hu (jew hi) jaġixxi biex jiddefendi l-Kostituzzjoni billi jibgħat liġi lura quddiem il-Parlament.

Il-proposta biex il-President tar-Repubblika jkollu l-awtorità biex jibgħat liġi lura quddiem il-Parlament ħalli dan jikkunsidraha mill-ġdid għandha tkun limitata għal dawk il-każijiet fejn tkun identifikata inkompatibilità bejn il-liġi proposta u l-Kostituzzjoni. Din il-proposta, bla dubju, tittrasforma l-awtorità morali li għandu l-President tar-Repubblika illum f’awtorità reali u effettiva biex jimblokka legislazzjoni fejn din tkun tmur kontra dak li tipprovdi l-kostituzzjoni.

Bħala riżultat ta’ dan, meta l-President tar-Repubblika jagħti l-kunsens tiegħu għal xi liġi approvata mill-Parlament huwa ma jkunx sempliċiment qed jgħid iva għax jeħtieġlu jgħid iva bilfors.

Dan huwa wieħed mill-kontrolli essenzjali fuq il-poteri tal-Parlament li hu meħtieġ f’kostituzzjoni reveduta. Il-ħarsien u d-difiża tal-Kostituzzjoni għandu jkun wieħed reali, mhux wieħed taparsi.

Ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 17 ta’ Marzu 2019

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s